L-uffiċjali fis-settur tal-ġarr tal-merkanzija wissew li se jmutu n-nies jekk l-awtoritajiet ma jagħmlux aktar biex jipproteġu lis-sewwieqa tat-trakkijiet li qed jivvjaġġaw minn Calais. Is-sewwieqa, illum, qegħdin jiffaċċjaw theddid u intimidazzjoni min-naħa ta’ immigranti ddisprati li qed jippruvaw jidħlu fil-containers tat-trakkijiet li jkunu qed jaqsmu minn Calais lejn ir-Renju Unit.
Fl-istess ħin, l-awtoritajiet Franċiżi qed ikunu kkritikati talli ma pprovdewx biżżejjed sigurtà għas-sewwieqa tat-trakkijiet tal-merkanzija. Fl-aħħar ġimgħat inqalgħu xeni ta’ kaos waqt li ħaddiema mas-servizzi tal-vapuretti wettqu azzjoni industrijali u imblukkaw il-port u ċ-Channel Tunnel. Fl-aħħar inċident, ’il fuq minn 150 immigrant ħolqu kaos kbir għas-servizzi taċ-Channel Tunnel meta ppruvaw jassedjaw it-terminal fi Franza.
Min-naħa tiegħu, Richard Burnett, il-kap eżekuttiv tar-Road Haulage Association fir-Renju Unit, qal li l-militar Franċiż għandu jintervjeni f’ċirkostanzi fejn is-sewwieqa tat-trakkijiet qed ikunu suġġetti għal diversi forom ta’ intimidazzjoni. Issemma wkoll każ li fih xi ħadd ipponta arma tan-nar lejn wieħed mis-sewwieqa tat-trakkijiet, u Burnett sostna li qegħdin jissugraw xenarju li fih jinqatel xi ħadd. Il-kumpaniji għall-ġarr tal-merkanzija, intant, qed iżidu l-miżuri tas-sigurt à għal waqt il-vjaġġi.
Jinkwetaw li l-kriżi ta’ Calais se twassal għal qtil
