Hu evidenti li l-aġir tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon fl-Iskandlu ta’ Strada Zekka qed jimbarazza wkoll lil uħud minn sħabu tal-Kabinett stess, fosthom lis-Segretarju Parlamentari José Herrera, li meta mistoqsi mill-ġurnal In-Nazzjon dwar dan il-każ, ħassu tassew skomdu u bit-tweġiba tiegħu ħasel idejh.
In-Nazzjon tkellem ma’ José Herrera u staqsieh x’jaħseb dwar il-każ tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, li bħalissa qed jiddomina l-aħbarijiet b’rabta mal-mod kif aġixxa fl-espropjazzjoni ta’ Gaffarena. Madankollu, Herrera qal biss li bħalissa hemm żewġ inkjesti għaddejjin u għalhekk wieħed għandu jistenna l-eżitu tagħhom biex ikun jista’ jikkummenta wara.
Michael Falzon hu direttament involut fl-Iskandlu ta’ Strada Zekka, tant li issa hu fatt magħruf li siefer fuq btala ma’ Mark Gaffarena u saħansitra ltaqa’ miegħu f’Kastilja, fejn ġiet spjegata t-talba tiegħu.
Barra minhekk Clint Scerri, l-Uffiċjal f’Kastilja li hu persuna tal-fiduċja ta’ Michael Falzon, kien imur ma’ Gaffarena fid-Dipartiment tal-Artijiet u finalment l-istess Falzon iffirma ż-żewġ deals jintnu li għamlu lil Gaffarena multi-miljunarju.
Minkejja li dawn id-dettalji juru li Michael Falzon mhux talli kien jaf bid-dettalji kollha tal-iskandlu, iżda hu wkoll ħabib kbir ta’ Mark Gaffarena, Joseph Muscat baqa’ ma ħax passi kontrih għax l-istess Michael Falzon qed jinsisti li hu jdabbar rasu biss jekk idabbru rashom qablu kollegi bħal Helena Dalli, Anton Refalo, Konrad Mizzi u Ian Borg.
Lil hinn minn dan kollu, Michael Falzon hu wkoll fiċ-ċentru ta’ kontroversja dwar it-Termination Benefit uniku ta’ €260,000 li gawda minnu mill-Bank of Valletta, li min-naħa tiegħu qed ikompli jiddefendi lilu nnifsu u jgħid li ma sar xejn ħażin.
//= $special ?>