Ambjent Lokali Parlament

Konsultazzjoni biss kif irid Muscat

Il-Gvern irid jgħaddi b’għaġla tliet liġijiet dwar l-ambjent

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fisser il-laqgħa li sejjaħ il-Gvern mal-għaqdiet mhux governattivi biex jiddiskuti u jgħaddi tliet liġijiet b’rabta mal-ambjent bħala l-istil ta’ konsultazzjoni ta’ Joseph Muscat meta ta anqas minn 24 siegħa avviż biex jattendu laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jiddiskuti u jgħaddi dawn il-liġijiet.

Fi tweet , il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan l-avviż li ta anqas minn 24 siegħa żmien lill-għaqdiet mhux governattivi biex jattendu u jressqu l-opinjonijiet tagħhom, sar biex il-Gvern jgħaddi b’għaġla u fi ftit jiem dawn il-liġijiet.

Fil-Parlament qabel mal-lejla aġġorna għal għada, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, David Agius, talab lill-Ispeaker biex il-Gvern ifittex il-kunsens mal-Oppożizzjoni biex jinstab ħin ieħor din il-ġimgħa stess minħabba li l-avviż li ta l-Gvern għal għada, it-Tlieta fit-3pm, biex jitlaqqa’ l-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, kien qasir wisq. Spjega li ż-żewġ membri tal-Oppożizzjoni fuq dan il-Kumitat għandhom impenji oħrajn.

Il-Gvern qed jinsisti li jlaqqa’ l-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar b’urġenza biex jgħaġġel jgħaddi tliet liġijiet b’rabta mal-ambjent u l-iżvilupp, liema liġijiet huma voluminużi b’madwar 200 paġna kull liġi. Fost dawn il-liġijiet hemm il-liġi li se tifred il-MEPA f’żewġ awtoritajiet.

L-Oppożizzjon wkoll kitbet biex jitlaqqa’ l-Kumitat Parlamentari biex ikun jista’ jisma’ lill-NGO’s qabel mal-liġijiet jitilgħu għad-dibattitu fil-Parlament, iżda nsistiet li dan għandu jsir b’kunsens u mhux b’impożizzjoni.

David Agius spjega fil-Parlament illejla, li dawn huma liġijiet speċjalizzati u filwaqt li l-Oppożizzjoni tifhem l-urġenza, qed titlob li l-Kumitat jitlaqqa’ nhar l-Erbgħa flok għada, bid-dibattitu fil-Parlament isir fil-jiem ta’ wara.

L-Oppożizzjoni fissret li ma tistax tifhem din l-urġenza u li l-Gvern ma jistenniex ftit jiem biex il-proċess isir sew u b’konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni.

Id-Deputat Laburista Deborah Schembri wieġbet fil-Parlament li l-Gvern fittex li jkun hemm kunsens dwar meta jitlaqqa’ l-Kumitat iżda fissret li minħabba l-urġenza biex il-Kumitat jisma’ lir-rappreżentanti tal-NGOs, iċ-Chairman tal-Kumitat id-Deputat Laburista Godfrey Farrugia, fin-nuqqas tad-Deputat Laburista Marlene Farrugia, sejjaħ il-laqgħa għal għada t-Tlieta waranofsinhar.

David Agius spjega lill-Ispeaker li l-Gvern għandu jsib kunsens mal-Oppożizzjoni li qed titlob li l-Kumitat jiltaqa’ l-għada, l-Erbgħa.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia rrimarka li ċ-Chairperson tal-Kumitat għandu l-ewwel ifittex u jikkonsulta mal-membri tal-Oppożizzjoni għal kunsens dwar data u ħin, iżda fin-nuqqas ta’ qbil, iċ-Chairperson jista’ jsejjaħ hu l-laqgħa anke jekk ma jkunx hemm qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni. Appella biex jibqgħu għaddejjin il-kuntatti bejn Gvern u Oppożizzjoni biex ikun hemm qbil.

Minkejja l-appelli tal-Oppożizzjoni, il-Gvern sejjaħ xorta laqgħa għal għada t-Tlieta fit-3pm, u avża b’dan lill-NGOs.