L-Oppożizzjoni kitbet lic-Chairperson tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent, id-Deputat Marlene Farrugia, sabiex it-tliet abbozzi ta’ liġijiet li ressaq il-Gvern dwar is-separazzjoni fil-MEPA jkunu diskussi f’dan il-kumitat. Dan bil-għan li għaqdiet ambjentali jingħataw iċ-ċans li jsemmgħu leħinhom dwar daw il-liġijiet li se jħallu effett qawwi għas-snin li ġejjin.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għall-Ambjent Marthese Portelli qalet li għal darba oħra, il-Gvern se jipprova jgħaddi romblu fuq il-Parlament u qed jinjora għal kollox l-ambjent.
Marthese Portelli fakkret li dawn it-tliet liġijiet huma ta’ importanza kbira u ma jista’ jkun hemm ebda forma ta’ konsultazzjoni fl-insistenza tiegħu li jgħaddi u jippubblika dawn il-liġijiet qabel il-Parlament jaġġorna għall-vaganzi tas-sajf fil-jiem li ġejjin.
Hi qalet li l-Gvern qed ikompli għaddej romblu mingħajr ebda konsultazzjoni bħalma ġara fil-każ tad-dokument strateġiku dwar l-ambjent u l-iżvilupp u l-proġett taż-Żonqor. Fakkret li Malta hi firmatarja tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li tiggarantixxi d-dritt tal-pubbliku li jipparteċipa fid-deċiżjonijiet li jkunu qed jittieħdu dwar l-ambjent.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Ambjent u l-Ippjanar Ryan Callus appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jisma’ mhux biss mill-għaqdiet ambjentali iżda mill-poplu Malti u Għawdxi. Ryan Callus fakkar kif l-għada tar-referendum dwar il-kaċċa, Muscat qal li ħa l-messaġġ ta’ nofs il-popolazzjoni u li se jpoġġi l-ambjent u se jkun qed jisma’. Iżda fir-realtà, minkejja l-ikbar protesta ambjentali li saret f’Malta, il-Gvern qed jibqa’ jwebbes rasu mhux biss biex jeqred parti miż-Żonqor iżda wkoll fil-kwistjoni tal-qasma fil-MEPA.
Ryan Callus qal li bil-qasma tal-MEPA, l-ambjent mhux se jibqa’ parti integrali mill-proċess tal-ippjanar. Skont il-liġi li qed jipproponi l-Gvern, l-Awtorità tal-Ambjent se tkun biss external consultee, xejn iktar minn awtoritajiet l-oħra. Għaldaqstant il-vuċi tal-ambjent se tiddgħajjef mhux tissaħħaħ.
//= $special ?>

