Internazzjonali

Pieni għal ħaddiema ta’ kumpannija Ċiniża li jinqabdu tqal ‘mingħajr approvazzjoni’

Kumpannija tal-finanzi fiċ-Ċina qed tippjana biex titlob lin-nisa li jaħdmu magħha biex ifittxu l-approvazzjoni qabel huma jinqabdu tqal. Ir-rapporti dwar il-każ sadanittant qanqlu gelgul ta’ kummenti li rredikolaw din it-talba u li spikkaw fl-istampa u fuq il-media soċjali.

Mifhum li n-nisa mal-istaff tal-kumpannija fil-provinċja ta’ Henan kienu infurmati li jridu japplikaw għal ‘post fl-iskeda tal-birth-planning’. Jingħataw biss dan id-‘dritt’ in-nisa li jkunu ilu jaħdmu mal-kumpannija għal aktar minn sena. Għaldaqstant is-sitwazzjoni tippermetti ‘biex ikunu mmultati in-nisa li jinqabdu tqal mingħajr approvazzjoni’.

Ma naqsitx il-kritika qawwija għall-pjan, b’kummentatur mal-gazzetta China Youth Daily isostni li l-kumpannija inkwistjoni qed titratta l-ħaddiema ‘qishom għodda għall-produzzjoni aktar milli bħala bnedmin’. L-impjegati wkoll huma ddispjaċuti fejn qed jilmentaw li hu impossibbli biex xi ħadd jiggarantixxi li l-proċess tat-tqala ‘jimxi skond l-iskeda li waqqfet il-kumpannija’.