Lokali Qorti

Toni Abela jitlaq ‘il barra minn Awla tal-Qorti wara kumment dwar ‘il-blokka bajda’ li nstabet f’Każin Laburista

Id-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela qabad u telaq ‘il barra minn Awla tal-Qorti wara li oġġezzjona għal rimarka li saret minn Avukat ieħor dwar il-każ tal-blokka bajda li nstabet f’Każin Laburista.

Dak il-ħin kienet qed tinstema’ l-kawża ta’ libell li Toni Abela ressaq kontra Daphne Caruana Galizia, li fil-blog tagħha f’Awwissu 2008 kienet iddeskriviet lil Abela bħala inkompetenti.

Meta kien qed jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu, Toni Abela rrefera għal każ li fih Caruana Galizia allegatament ma ddikjaratx id-dħul tagħha minn xi rivisti.

Kien f’dan l-istadju li l-Avukat Joseph Zammit Maempel, li qed jirrappreżenta lil Caruana Galizia, staqsa lil Abela kif għandu l-wiċċ isemmi dawn l-affarijiet meta hu lanqas jaf id-differenza bejn blokka bajda u blokka silġ.

Dan b’referenza għall-każ li kien inkixef fl-2013 dwar allegat traffikar ta’ droga fil-Każin Laburista ta’ Ħ’Attard fl-2011 u li Abela nstema’ jgħid f’recordings li ma kienx irrapporta l-każ lill-Pulizija.

Toni Abela ħa għalih għal dan il-kumment u qal li l-Avukat Zammit Maempel immissu jistħi. Qabel ma telaq ‘il barra mill-Awla, id-Deputat Mexxej Laburista qal li dawn l-allegazzjonijiet dwar il-blokka silġ qatlu lil missieru.