Internazzjonali

Żewġ attakki terroristiċi jħallu għexieren mejtin fin-Niġeria

L-awtoritajiet fil-belt ta’ Jos ikkonfermaw li nqatlu mill-inqas 50 persuna f’żewġ splużjonijiet ta’ bombi fl-inħawi.
It-terroristi responsabbli kkonċentraw l-attakki fuq ristorant u moskea, u filwaqt li l-ebda grupp ma assuma responsabbiltà, hu magħruf li l-moviment Boko Haram tal-militanti Iżlamiċi wettaq diversi azzjonijiet terroristiċi f’Jos u l-madwar. Dan minkejja li l-belt ta’ Jos ma tinsabx fir-reġjun Niġerjan tal-Grigal fejn il-militanti huma l-aktar attivi.
L-isplużjonijiet huma l-aħħar f’sensiela ta’ attakki qattiela li seħħew fl-aħħar ġranet fin-Niġerja u li swew il-ħajja ta’ ’l fuq minn 200 persuna.
Intant, l-aħħar straġi fl-inħawi ta’ Jos seħħet ftit wara li nkisret is-sawma tar-Ramadan, xħin il-moskea u r-ristorant kienu ffullati bin-nies. Hu mifhum li 23 fost il-maqtula kienu fir-ristorant. L-awtoritajiet irkupraw ’il fuq minn 20 katavru mill-moskea.