Lokali Parlament

Il-Ministeru għall-Ambjent jixtri l-fuel mill-pompa tal-petrol ta’ Gaffarena

…li ngħatat permess temporanju minn dan il-Gvern biex tinfetaħ minkejja li kien hemm strutturi illegali u mhux skont il-permess

Il-Ministeru għall-Ambjent li jinkludi s-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali mmexxi minn Roderick Galdes, fl-aħħar sena u nofs xtara petrol u diesel b’valur li jlaħħaq is-somma ta’ €47,433 mill-pompa tal-petrol ta’ Gaffarena f’Ħal Qormi.

Il-pompa tal-petrol J. Gaff Service Station ingħatat permess biex tiftaħ minn dan il-Gvern wara li kienet ingħalqet fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti kawża ta’ strutturi illegali li kienu nbnew u li ma kinux skont il-permessi maħruġa.

Wara li nfetħet din il-pompa tal-petrol, immedjatament beda jinxtara l-fuel mid-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tas-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes.

Il-Ministru Leo Brincat li taħtu jaqa’ s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes, għamilha ċara f’noti li għamel b’rabta ma’ tabelli li ppubblika bl-informazzjoni li ta meta kien qiegħed iwieġeb mistoqsija parlamentari tax-Shadow Minister Marthese Portelli, li d-dipartimenti li xtraw petrol u diesel mill-pompa tal-petrol J. Gaff Service Station hu responsabbli minnhom is-Segretarjat Parlamentari, li hu mmexxi minn Roderick Galdes.

Id-dipartimenti li jaqgħu direttament taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Leo Brincat ma xtrawx petrol u diesel minn din il-pompa tal-petrol li fiha Marco Gaffarena għandu sehem, u li hi ta’ missier Marco, Joe Gaffarena.

Marco Gaffarena hu involut fl-iskandlu b’rabta ma’ kuntratti li ffirma mas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon dwar trasferiment ta’ proprjetajiet u li dwarhom għaddejjin inkjesti kemm mill-Gvern kif ukoll mill-Uffiċċju tal-Awditur Nazzjonali.

Il-pompa tal-petrol tal-familja Gaffarena hi marbuta ma’ storja ta’ kontroversji wara li l-pompa kienet ingħalqet fl-2008 meta rriżulta li l-binja ta’ din il-pompa tal-petrol kien fiha strutturi illegali u mhux skont il-permessi.

Iżda taħt din l-amministrazzjoni tal-gvern Laburista, il-MEPA tat permess temporanju biex tinfetaħ il-pompa tal-petrol tal-familja Gaffarena b’garanzija bankarja ta’ nofs miljun ewro. Dan il-permess kien inħareġ wara li l-MEPA, taħt l-amministrazzjoni preċedenti, kienet irrifjutat darbtejn talbiet biex din il-pompa tal-petrol tkun tista’ tinfetaħ.

Jirriżulta issa fil-Parlament, li kemm ilha li fetħet din il-pompa tal-petrol, id-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tas-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, xtraw diġà b’valur ta’ €47,433.93. Fl-2014 id-dipartimenti tas-Segretarjat Parlamentari ta’ Roderick Galdes nefqu €26,133.76. Din is-sena bejn Jannar u Mejju, f’ħames xhur diġà ntefqu €21,300.17 f’petrol u diesel.

Minn wara l-elezzjoni tal-2013 u għall-kumplament ta’ dik is-sena, kemm il-Ministeru kif ukoll is-Segretarjat Parlamentari xtara l-fuel kollu mill-MSD Kordin Fuel Station b’nefqa ta’ €133,112.36. Is-sena li għaddiet intefqet is-somma ta’ €164,207.50 mill-pompi tal-petrol filwaqt li sa Mejju ta’ din is-sena diġà ntefqet is-somma ta’ €72,199.73.

Il-pompi tal-petrol li l-aktar li nxtara fuel minnhom minn dan il-Ministeru li jaqa’ taħtu wkoll is-Segretarjat Parlamentari sa Mejju li għadda, kienu ta’ Carlo Cini Ltd b’valur totali ta’ €53,342.73; J Micallef Service Station b’total ta’ €48,457.70 u ta’ J Gaff Service Station b’valur ta’ €47,433.93.

Il-Ministeru u s-Segretarjat fl-2013 xtraw biss fuel mill-MSD Kordin Fuel Station iżda nxtara biss b’valur ta’ €324.24 is-sena li għaddiet u €89.60 biss fl-ewwel ħames xhur tas-sena.