Membri tal-Gvern għamlu diversi interruzzjonijiet u talbu lill-Ispeaker jintervjeni waqt li d-Deputat Nazzjonalista Mario Galea llejla kien qiegħed jirreferi fil-Parlament għal dak li qal l-eks-Deputat Mexxej Laburista Anġlu Farrugia, illum Speaker tal-Parlament wara li kien imkeċċi qabel l-elezzjoni u ddikjara li l-Partit Lbaurista u l-finanzi tal-Partit Laburista huma wisq qrib kuntratturi u li għalih dan kien ta’ tħassib serju.
Bl-Ispeaker Anġlu Farrugia jagħti ċans lill-membri tal-Gvern, lid-Deputati Laburisti Charles Mangion u Joe Debono Grech jispjegaw x’inhu l-Point of Order waqt id-diskors tad-Deputat Nazzjonalista Mario Galea, l-Ispeaker irrimarka wkoll li hu jaf x’qal u talab lid-Deputat Mario Galea jkompli bid-diskors u jippreċiża u jfisser dak li ried jgħid u jirriferi lill-Kamra s-sorsi ta’ minn fejn qiegħed jikkwota.
Id-Deputat Nazzjonalista, li kien qiegħed jitkellem fid-dibattitu tal-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-iSPED, saħaq li hu qed jikkwota dak li qal il-President tal-Kamra tad-Deputati wara li tkeċċa minn Deputat Mexxej Laburista ftit xhur qabel l-elezzjoni.
Filwaqt li rrimarka li l-verità tweġġa’ u toqros, u hu għalhekk li kienu qed jinterrompuh membri tal-Gvern, Mario Galea irrepeta dak li kien għadu kif qal eżatt fil-Kamra biex ma jkunx interpretat ħażi.
Mario Galea qal li l-eks-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista l-Onorevoli Anglu Farugia ftit qabel l-aħħar elezzjoni kien qal li l-Partit Laburista li suppost partit tal-ħaddiema, qed jitlef ruħu, “core values”, u li spiċċa wisq viċin nies tal-flus – nies tal-business u nies fin-negozju tal-bini.
Imwaqqaf mill-membri tal-Gvern biex jissostanza dak li qiegħed jgħid u jekk għandu xi provi ta’ korruzzjoni jmur għand il-Pulizija, Mario Galea qal li hu qed jikkwota mill-gazzetta Malta Today tat-3 ta’ Frar 2013.
Kompla jikkwota dak li kien intqal: li dawn il-kuntratturi llum (qabel l-elezzjoni tal-2013) huma viċin ħafna tal-Partit Laburista. Viċin ħafna tal-finanzi tal-Partit Laburista.
Sejjaħ lill-eks-Deputat Mexxej tal-PL bħala profetiku u li kellu raġun jinkwieta.
Spjega li Anġlu Farrugia bħala Deputat Mexxej Laburista, ried li l-Partit Laburista jibqa’ partit tal-ħaddiema, u li l-politika tibqa’ nadifa.
Spjega wkoll li forsi għalhekk Anġlu Farrrugia ma qagħadx fil-pjan ta’ Muscat u ħeles minnu, għax ried politika nadifa u l-Partit Laburista ta’ Muscat ried il-kompromessi ma’ nies li kellhom il-flus.
Mario Galea qal li llum, bħala pajjiż qed inbatu l-konsegwenzi ta’ dawn il-kuntatti mill-qrib li l-Partit Laburista kellu ma’ nies fil-qasam tal-kostruzzjoni.
//= $special ?>