Lokali

AĠĠORNATA: Ajruplan Malti jiġġarraf fi Sqallija; il-bdot ma ġralu xejn gravi

Dalgħodu seħħ inċident f’Donnalucata fi Sqallija fejn ajruplan Malti tal-European Pilot Academy għamel crash landing f’ċirkustanzi li għadhom mhux magħrufa.

Informazzjoni li daħlitilna tindika li l-bdot, Alex Frendo, ma ġralu xejn gravi. Il-bdot ta’ 20 sena kien waħdu fuq din it-titjira. L-ajruplan għamel inżult ta’ emergenza qrib Casa del Vento fin-naħa t-isfel ta’ Sqallija, f’nofs l-għelieqi.

Dan l-ajruplan żgħir, li huwa l-istess li jidher f’dan ir-ritratt meħud minn fuq l-internet, huwa tat-tip P2002J.

Fil-post immedjatament waslu il-Carabinieri Taljani kif ukoll pumpieri, li wettqu spezzjoni bħala prekawzjoni. Dan kien konfermat mis-sit RagusaNews.com.

Dan is-sit hu nfurmat li l-bdot kien fuq titjira bħala lezzjoni tal-avjazzjoni. Fil-fatt, l-instructor kien qed jistenna lil dan il-bdot fl-ajruport ta’ Sqallija.

It-titjira telqet ftit wara id-9:15am u kienet destinata lejn Comiso. Anke l-European Pilot Academy ikkonfermaw li ż-żagħżugħ kien fuq sessjoni normali ta’ taħriġ.

L-awtoritjiet tal-avjazzjoni Taljani jinvestigaw inżul t’emerġenza t’ajruplan Malti.

Fi stqarrija dwar dan l-inċident, id-direttorat tal-avjazzjoni ċivili fi ħdan Transport Malta qal li qed jikkollabora mal-awtoritajiet tal-avjazzjoni Taljani fl-investigazzjoni tal-inċident li seħħ dalgħodu. Id-direttorat kkonferma li l-ajruplan involut, huwa tal-għamla Tecnam P2002JF, bir-reġistrazzjoni 9H-PPL huwa rreġistrat Malta.

Id-direttorat qal li l-ajruplan kellu problemi fil-magna waqt eżerċizzju ta’ rutina. L-ajruplan, bi prekawzjoni, wettaq inżul ta’ emerġenza f’għalqa fil-viċinanzi ta’ Vizzini, f’Comiso. Il-bdot, l-unika persuna abbord, jinsab tajjeb waqt li r-roti tal-ajruplan soffrew xi ħsarat.

Tim ta’ investigaturi mill-awtoritajiet Taljani marru fuq is-sit biex jinvestigaw l-inċident.

ritratt ajruplan