Lokali

Appell biex jinbidel il-mekkaniżmu tal-COLA

L-Alleanza Kontra l-Faqar qed tappella biex jinstab mekkaniżmu ieħor minflok il-COLA sabiex tinħadem iż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Dan Sabiex ikun hemm indikaturi ċari li juru il-vara għoli tal-ħajja.

Fi stqarrija l-Alleanza Kontra l-Faqar qalet li qed taqbel mad-deċiżjoni tal-Gvern li jiftaħ dibattitu dwar il-pensjonijiet wara r-rapport li ħareġ mill-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali.

L-Alleanza tgħid li l-pagi tal-maġġoranza tal-familji ma ppermettewx “surplus” mid-dħul li jkollhom biex dawn iġemmgħu għal pensjoni, u possibbilment għal kura f’dar tal-anzjani.

Dan hu ukoll rifless fil-livell tal-pensjonijiet li iktar ma jgħaddi żmien iktar mhumiex ikunu biżżejjed għal ħajja diċenti. “Faċli tgħid li ġġemma’ għall-pensjoni oħra, biss diffiċli meta bil-paga lanqas tlaħħaq mal-ħajja”.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-ġid tal-pajjiż hemm bżonn jitqassam b’aktar ġustizzja u jiġi rifless fil-paga minima ħalli tagħmilha possibbli li kulħadd jgħix ħajja diċenti.