“Is-suq komuni diġitali joffri opportunitajiet għall-kulħadd. Dan is-suq jgħaqqad lill-konsumaturi man-negozji u jagħti aċċess aħjar għall-prodotti u s-servizzi. Għandna bżonn rieda politika akbar sabiex il-Membri Stati jiftħu l-fruntieri rispettivi tagħhom anke minn perspettiva’ mentali sabiex jiġi iffacilitat aktar dan l-aċċess b’mod transkonfinali”
L-MEP Maltija Therese Comodini Cachia (PPE) qalet dan matul laqgħa ma’ Andrus Ansip, Viċi President tal-Kummissjoni inkarigat mis-suq komuni diġitali.
Matul din il-laqgħa, Comodini Cachia iddiskutiet ir-rwol ta’ dan is-suq fl-UE u kif meta jingħelbu dawn l-ostakoli online ikun tassew ifisser aċċess aħjar li jwassal għal aktar tkabbir ekonomiku u ħolqien ta’ impjiegi.
L-Aġenda Diġitali hija maħsuba sabiex taġġorna ir-regolamenti tas-suq komuni Ewropew f’era diġitali. Konkretament dan ifisser spinta fid-downloads mużikali u negozju relatat, jistabilixxi żona singola għal pagamenti online u jipproteġi aħjar konsumaturi fejn tidħol interattivita’ virtwali. Dan iwassal ukoll għal aċċess aħjar għall-kultura u jiftaħ orizzonti ġodda għal artisti Maltin.
Ir-riforma tad-drittijiet ta’ l-awtur magħruf bl-ingliz bħala copyright kienet ukoll fuq l-aġenda tal-laqgħa, fejn Comodini Cachia emfasizzat il-ħtieġa li tiġi modernizzata din il-liġi.
Għada l-MEP Comodini Cachia hija mistennija tintervjeni matul sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fuq id-drittijiet ta’ l-awtur u tiddiskuti rapport fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/29/EC tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fit-22 ta’ Mejju 2001. Din id-direttiva titratta l-armonizazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ dawn l-istess drittijiet u oħrajn relatati f’soċjeta’ ta’ informazzjoni.
Il-vot fuq ir-rapport li għalih ikkontribwiet Comodini Cachia bħala Shadow Rapporteur, ser jittieħed wara d-dibattitu ta’ għada.
Aspetti kontroversjali diskussi f’dan ir-rapport kienu jinkludu l-materja delikata ta’ bilanċ bejn id-drittijiet tal-konsumatur u l-aspett kreattiv. Fost l-oħrajn kien hemm l-aspett magħruf bħala Freedom of Panorama, li kien identifikat sabiex jitneħħa mir-rapport sabiex tiġi garantita ż-żamma tad-drittijiet ta’ l-individwu f’dan il-kuntest, fi spazji pubbliċi b’utent kontenut iġġenerat.
Comodini Cachia hija membru tal-Kumitat għall-affarjiet Legali (JURI) u membru tal-Grupp Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew.
//= $special ?>