Clyde Puli jitlob il-protezzjoni tal-Ispeaker
Id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli llejla talab il-protezzjoni tal-Ispeaker Anġlu Farruga wara li ġibed l-attenzjoni tal-Ispeaker li waqt il-waqfa tal-vot, kien mgħajjar b’diskors oxxen u bi kliem ta’ theddid mid-Deputat Laburista Joe Farrugia.
Għall-ħabta ta’ nofsillejl neqes għaxar minuti, Clyde Puliy ġibed ukoll l-attenzjon tal-Ispeaker li d-Deputat Laburista attakka wkoll il-mod li bih l-Oppożizzjoni ddeċidiet li tivvota llejla fil-Parlament fejn qed titlob skont il-proċeduri tal-Kamra, division u li l-Parlament jieqaf għal 20 minuta sakemm jittieħed il-vot fuq dawk l-emendi li l-Oppożizzjoni qed toġġezzjona u mhux taqbel dwarhom fil-Pjan ta’ Strateġija dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Mitlub mill-Ispeaker biex iwieġeb għat-talba li kien qed jagħmel id-Deputat tal-Oppożizzjoni, id-Deputat tal-Gvern wieġeb li l-membru tal-Oppożizzjoni qed jiċċajta u li jaħseb li għejja, bir-reazzjoni ta’ Clyde Puli tkun immedjata u jwieġeb li hu ma għejjiex għaliex ma jixrobx.
L-Ispeaker iddikjara li se jkun hemm il-protezzjoni tas-Sedja u wissa lid-Deputat Laburista Joe Farrugia li kliem bħal dan m’għandux isir.
L-Oppożizzjoni llejla qed ittawwal il-vot dwar l-iSPED biex twassal messaġġ lill-Gvern li hemm xi ħaġa fundamentali li hi ħażina fil-mod kif il-gvern qiegħed jiggverna u jagħmel l-affarijiet.
//= $special ?>