Ambjent Lokali Parlament

Emenda tal-Oppożizzjoni approvata b’vot unanimu

Bl-insistenza tal-Oppożizzjoni kull tibdil fiz-zona tal-iżvilupp irid jgħaddi mill-Parlament

L-emenda li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fil-Parlament ilbieraħ, u li titlob biex kull tibdil fiz-zona tal-iżvilupp irid ikun approvat mill-Parlament kif dejjem kien għal dawn l-aħħar 23 sena, għaddiet fil-Parlament bil-vot kemm tal-Oppożizzjoni kif ukoll tal-Gvern.

Din l-emenda tressqet mill-Kap tal-Oppożizzjoni f’każ li l-Gvern ma jaċċettax l-ewwel mozzjoni li kien ressaq ukoll ilbieraħ sabiex il-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-iSPED, jerga’ jiġi mfassal mill-ġdid.

Bl-emenda tal-Oppożizzjoni approvata mill-Parlament b’vot unanimu, kif fisser Simon Busuttil meta ressaq iż-żewġ mozzjonijiet, l-Oppożizzjoni qed tagħmel ċert li – kif kien isir s’issa – kull tibdil fiz-zona tal-iżvilupp ikun irid jgħaddi minn dan il-Parlament.

Kieku l-Oppożizzjoni ma resqitx din l-emenda, kien se jintilef dak li kien ilu jseħħ għal dawn l-aħħar 23 sena fil-Parlament.

Fl-ewwel mozzjoni li l-Gvern m’aċċettax u vvota kontra, l-Oppożizzjoni talbet biex l-iSPED jerga’ jmur lura għand il-MEPA sabiex jiġi mfassal mill-ġdid, wara li jsiru l-istudji neċessarji u obbligatorji skont il-liġi u li huma elementari sabiex nifhmu l-istat li jinsab fih pajjiżna, u li jistgħu jippermettu li jiġi mfassal SPED li verament jixraq lil pajjiżna, jixraq lill-aspirazzjonijiet tal-poplu, jixraq lil uliedna u lil uliedhom.

L-Oppożizzjoni qalet li l-pjan għandu jkun fih viżjoni ta’ soċjetà sħiħa għall-iżvilupp u l-ambjent għall-għaxar snin li ġejjin għall-użu tal-art tant limitata tagħna.

Qabel ma ttieħed il-vot dwar l-emendi mressqa mill-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru ddikjara li l-Gvern kien se jivvota fuq it-tieni emenda tal-Kap tal-Oppożizzjoni.