Għall-power station f’Delimara l-Gvern preżenti uża l-istess servizzi professjonali tal-kumpanija legali li fasslet il-kuntratt dwar Mater Dei
Wara li l-Gvern kien akkuża lill-amministrazzjoni Nazzjonalista li bil-kuntratt iffirmat dwar il-bini tal-Isptar Mater Dei ma setax ifittex lill-kntratturi tal-Isptar Mater Dei dwar dak li sejja bħala nuqqasijiet gravi minħabba waiver fil-kuntratt, il-Ministru Konrad Mizzi bidel il-verżjoni u ħabbar fil-Parlament li tim legali mmexxi mill-Avukat Ġenerali qiegħed jipprepara ittri legali fil-konfront ta’ Skanska b’rabta mal-konkrit użat fil-bini tal-Isptar.
Għall-mistoqsija tax-Shadow Minister Claudio Grech dwar jekk Skanska, issa li għaddew diversi ġimgħat mill-pubblikazzjoni tal-inkjesta tal-Gvern, aċċettatx dak li rriżulta mill-inkjesta b’rabta man-nuqqasijiet fil-konkos użat, il-Ministru Mizzi qal li tim legali maħtur mill-Gvern se jkun qed jiftaħ proċess legali kontra Skanska.
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-PN, Beppe Fenech Adami staqsa fil-Parlament lill-Ministru Konrad Mizzi jispjega jekk dan ifissirx li l-Gvern kien żbajat meta akkuża lill-amministrazzjoni Nazzjonalista li ma setax ifittex lil Skanska minħabba waiver li kien hemm fil-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern u Skanska, meta issa qiegħed jgħid li qabbad tim legali li se jintbagħat ittri legali – li jfisser li l-Gvern se jkun qiegħed u jista’ jipproċedi kontra Skanska.
Beppe Fenech Adami staqsa jekk il-Gvern hux jgħid il-verità issa jew meta għamel l-akkuża li ma jistax jipproċedi legament.
Il-Ministru Konrad Mizzi ma weġibx din il-mistoqsija tal-Oppożizzjoni u baqa’ jsostni biss li l-waiver li kien qed jagħmel riferenza għaliha l-Gvern meta qal li permezz tagħha ma jistax ifittex lil Skanska, ma kienx hemm bżonnha.
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, talab lill-Ministru Mizzi jgħid jekk il-Gvern jew hu bħala Ministru, ikkonsultax mal-kumpanija legali.
Filwaqt li fisser ukoll li l-Oppożizzjoni taqbel li l-Gvern juża l-mezzi legali kollha possibbli, Mario de Marco saħaq li dak iż-żmien din il-kumpaija legali kienet ikkonfermat li dak il-waiver bl-ebda mod ma jippreġudika d-drittijiet tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi dwar difetti li jista’ jirriżulta fil-futur, u staqsa mill-ġdid jekk il-Gvern tkellimx ma’ din il-kumpanija biex jikkonferma l-parir li kienu taw.
Il-Ministru Mizzi wieġeb li l-istess kumpanija legali ntużat ukoll minn dan il-Gvern fosthom dwar il-proġett tal-power station f’Delimara. Spjega wkoll li ma jridx isemmi u jelabora f’dan l-istadj, fuq servizzi ta’ professjonisti filwaqt li lest jagħti l-aġġornamenti meħtieġa fil-privat lill-Oppożizzjoni.
Mario de Marco nsista li l-istess ditta li llum ukoll qiegħed jagħmel użu mis-servizzi tagħha dan il-Gvern, kienet hi responabbli meta ġie ffirmat il-ftehim ma’ Skanska u kienet tat parir legali li din il-kalwsola bl-ebda mod ma kienet qed tfisser waiver għal difetti jew nuqqasijiet.
Mistoqsi b’mod mill-aktar ċar u dirett jekk il-Ministru Mizzi kellux l-okkażjoni jitkellem ma’ Camilleri Preziosi biex jikkonferma din l-interpetazzjoni li kienet tat dak iż-żmien, il-Ministru Konrad Mizzi reġa’ rrepeta li l-waiver ma kienx hemm bżonn tagħha.
Ikkonferma wkoll li kellem lil Camilleri Prezziosi wara dak kollu li rriżulta fl-inkjesta u talb ukoll lil rappreżentant ta’ din il-kumpanija biex ikun fit-tim legali li qed jippreparaw l-ittri legali.
Il-Ministru Mizzi qal li l-proċess legali se jkun iebes u żied li Skanska għandhom każijiet oħrajn simili ma’ pajjiżi oħrajn.
//= $special ?>