Fl-istess sitwazzjoni jinsabu l-ħaddiema f’Karen Grech
Il-Gvern ma ta ebda garanzija lill-ħaddiema u professjonisti li fil-preżent qed jaħdmu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex u fl-Isptar Karen Grech, li se jibqgħu jaħdmu f’dawn l-isptarijiet meta dawn jgħaddu f’idejn kumpanija privata kif qed jgħid li se jagħmel il-Gvern.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija, Konrad Mizzi, dalgħodu fil-Parlament evita li jkun preċiż u jagħti serħan il-moħħ lil dawn il-ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, li se jibqgħu f’Għawdex.
Lanqas ma ta garanzija lill-ħaddiema fl-Isptar Karen Grech li dawn ukoll se jiġu affettwati mill-privatizzazzjoni li l-Gvern se jkun qed jagħmel f’dawn l-isptarijiet.
Ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg staqsiet lill-Ministru Mizzu jgħid liema ħaddiema jew professjonijiet se jibqgħu jaħdmu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex u fl-Isptar Karen Grech meta dawn l-isptarijiet jgħaddu f’idejn kumpanija privata.
Il-Ministru Konrad Mizzi ta lanqas informazzjoni possibbli dwar il-pjan li għandu l-Gvern għall-ħaddiema f’dawn l-isptarijiet, u qal biss li l-ħaddiema kollha li jaħdmu fl-isptarijiet involuti se jibqgħu fuq il-kotba tal-gvern u se jibqgħu jitqiesu bħala uffiċjali pubbliċi.
Il-Ministru Mizzi naqas li jgħid jekk il-ħaddiema hux se jibqgħu jaħdmu f’dawn l-isptarijiet jew le, bil-ħaddiema jibqgħu b’ħafna mistoqsijiet u fl-għama dwar dak li qed jippjana għalihom il-Gvern bil-privatizzazzjoni tal-isptarijiet fis-servizz tas-saħħa nazzjonali.
//= $special ?>