Il-ġimgħa d-dieħla, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil se jkun qed imexxi delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fiċ-Ċina wara stedina għal laqgħat mal-Gvern Ċiniż.
Fiċ-Ċina, id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista se jkollha laqgħat strateġiċi ma’ rappreżentanti tal-Gvern Ċiniż f’Beijing u f’Shanghai. Id-delegazzjoni se tiltaqa’ wkoll ma’ numru ta’ intrapriżi u rappreżentanti tal-industrija b’interessi kummerċjali f’Malta.
Matul l-aħħar ħames snin ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista kienu ġew ffirmati madwar 13-il ftehim ta’ koperazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina f’bosta oqsma differenti. Fl-2011, il-Gvern Ċiniż kien faħħar lill-Gvern Nazzjonalista għall-ħidma qawwija ta’ Malta biex ġew evakwati ħaddiema Ċiniżi mil-Libja fil-kriżi ta’ erba’ snin ilu.
Dwar din iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista għadu jemmen li r-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina għandhom jibqgħu jissaħħu, filwaqt li jinsisti li l-ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi tkun mibnija fuq l-onestà, it-trasparenza u r-rispett reċiproku bejn iż-żewġ naħat.
Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni f’din iż-żjara se jkun hemm il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Tonio Fenech, is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Trevor Degiorgio u l-Head of Office tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Matthew Gatt.
//= $special ?>