Lokali Parlament

Il-Ministru Konrad Mizzi ma jweġibx dwar l-impjieg fl-Enemalta tal-eks-Spettur Zammit

Il-Gvern laqqa’ l-Parlament dalgħodu bla qbil mal-Oppożizzjoni

Il-Ministru Konrad Mizzi ma weġibx fil-Parlament meta dalgħodu kien mistoqsi mill-Oppożizzjoni dwar dak li rriżulta mill-impjieg tal-eks-Spettur tal-Pulizija li ġie boarded out f’erbat ijiem u ngħata impjieg fl-Enemalta.

Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi staqsa waqt il-ħin tal-mistoqsijiet meta dalgħodu beda jiltaqa’ l-Parlament, x’irriżulta fl-Enemalta dwar il-mod li bih kien impjegat l-eks-Spettur tal-Pulizija Daniel Zammit, iben l-eks-Aġent Kummissarju tal-Pulizija, b’impjieg ta’ madwar €60,000 immedjatament wara li ġie boarded out mill-Korp tal-Pulizija.

Staqsa wkoll x’passi interni ttieħdu u jekk irriżultax kif ġie impjegat – liema impjieg ġie tterminat wara li l-każ tqajjem mill-Oppożizzjoni dwar il-mod li bih kien boarded out mill-Pulizija u l-impjieg li ngħata fl-Enemalta.

L-eks-Spettur tal-Pulizija li kien mexxa l-każi fil-Qrati kontra persuni li abbużaw fl-ismart meters, kien impjegat mill-Enemalta biex jiġġieled l-abbużi ta’ serq fil-Korporazzjoni b’salarju ta €60,000 fis-sena.

Għal dawn il-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni, il-Ministru Mizzi qal li l-mistoqsijiet m’għandom x’jaqsmu xejn mal-mistoqsija oriġinali li kienet qed titwieġeb fil-Parlament dalgħodu u talab lix-Shadow Minister jagħmel mistoqsija parlamentari bil-miktub.

Il-Gvern laqqa’ l-Parlament dalgħodu bla kunsens mal-Oppożizzjoni
Il-Gvern laqqa’ l-Parlament dalgħodu minkejja li ma kienx hemm qbil mal-Oppożizzjoni, u dan biex jgħaddu kemm jista’ jkun malajr u b’għaġla, tliet liġijiet dwar l-ambjent.

Ilbieraħ filgħaxija, is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon reġa’ bdielu u m’għamilx id-diskors ta’ għeluq fid-dibattitu dwar il-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-iSPED, u dan minkejja li diġà kien iddikjara li ried estensjoni tal-ħin biex jagħmel id-diskors tiegħu.

Wara li l-Oppożizzjoni oġġezzjonat li jingħata l-ħin mill-Aġġornament minħabba li l-Gvern mhux juri rispett lejn l-Oppożizjzoni, is-Segretarju Parlamentari ddeċieda li jagħlaq id-dibattitu ħesrem mingħajr il-konklużjonijiet tal-Gvern biex id-dibattitu jintemm ilbieraħ stess filgħaxija. Dan biex dalgħodu jibda jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent.