Lokali

Il-PN jiċċelebra l-Iftar mal-komunita’ Musulmana

Il-koperazzjoni bejn l-oqsma separati tal-politika u t-twemmin tagħtina l-opportunità niċċelebraw il-valur tal-paċi u naħdmu flimkien biex negħlbu l-biża’ li jġib il-fundamentaliżmu.

Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, f’attività fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fejn il-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-istess partit (FOIPN) stieden rappreżentanti u membri tal-komunità Musulmana f’Malta u magħhom iċċelebra l-kisra tas-sawma tar-Ramadan. Simon Busuttil qal li aħna u nieklu flimkien fi tmiem is-sawm, inkunu qed niċċelebraw il-valuri tal-paċi u r-rispett li huma l-bażi vera tat-twemmin Iżlamiku.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega kif l-oqsma tal-politika u t-twemmin jistgħu jaħdmu flimkien biex jikkumbattu l-biża’ li minoranza żgħira toħloq bit-terroriżmu. Din il-ħidma flimkien tista’ twassal biex is-soċjetà kollha tgawdi minn serħan il-moħħ u sigurtà.

Hu qal li l-aħbarijiet li nisimgħu dwar l-hekk imsejjaħ ISIS u gruppi fundamentalisti oħrajn juru kif minoranza żgħira ħafna qed tabbuża mit-twemmin u ċċappas lill-komunità wiesgħa Iżlamika.

It-terroriżmu, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, hu marda li toħloq mewġa kontra t-twemmin. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li għandu jkun hemm ħidma mal-komunitajiet reliġjużi biex il-marda tal-fundamentaliżmu u t-terroriżmu tkun miġġielda.

Hu wera s-solidarjetà mal-vittmi kollha tat-terroriżmu u qal li l-aħbarijiet li qed jaslu m’għandhomx joħolqu preġudizzju kontra min għandu t-twemmin veru tas-sliem u r-rispett.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-kisra tas-sawma kienet organizzata mill-Grupp dwar ir-Razza u r-Reliġjon fil-FOIPN biex jiċċelebra mal-komunità Musulmana r-Ramadan li hu żmien ta’ devozzjoni u riflessjoni. Għall-attivitá attendew membri u mexxejja tad-diversi komunitajiet Musulmani f’Malta.

Min-naħa tiegħu, l-Imam Mohammed el Sadi irringrazzja lill-PN ghal din is-serata li hi xhieda ta’ rabtiet tajbin bejn iż-żewġ naħat. Hu qal li l-komunita’ Musulmana ma nsietx l-għajnuna li taw gvernijiet nazzjonalisti lill-komunita’ musulmana, fosthon għaċ-ċimiterju u l-għajnuna għall-iskola Mayram al Batool.

L-Imam kompla li komunita’ Musulmana tħobb lil Malta, tiddefendi lil Malta u tirrispetta l-kultura u l-liġijiet tagħha. Iktar minn hekk, il-komunita’ musulmana tkun parti mis-soċjeta’ Maltija b’mod sħiħ u f’kull qasam.

L-Imam saħaq li t-terroristi huma barbari u huma għedewwa tal-Musulmani għaliex joqtlu lill-Musulmani qabel ma joqtlu l-insara. L-għadu komuni jibqa’ l-injoranza, l-estremiżmu u r-razziżmu.

iftar kap