93% tal-istudenti fi tmiem l-iskola primarja għamlu l-eżamijiet tal-benchmark bejn Mejju u Ġunju li għadda tal-Malti, l-Ingliż u l-Matematika .
B’kollox għamlu l-eżamijiet 3,625 studenti minn 62 skola primarja tal-Istat, 22 skola primarja tal-Knisja u 7 skejjel primarji indipendenti – 1,733 tifel u 1,892 tifla.
Fil-Malti, il-marka medja nazzjonali kienet ta’ 74. L-istudenti kellhom sessjoni ta’ taħdit (20 marka), sessjoni ta’ ftehim mis-smigħ (20 marka), sessjoni ta’ ftehim mill-Qari (30 marka) u sessjoni ta’ kitba (30 marka).
L-eżami tal-Ingliż kien maqsum bl-istess mod tal-eżami tal-Malti. Hawnhekk, il-marka medja nazzjonali kienet ta’ 71.
Fil-Matematika, il-medja nazzjonali kienet ta’ 72 u l-eżami kien maqsum f’żewġ taqsimiet, il-karta mentali (20 marka), u l-karta tal-kitba (80 marka).
Fi stqarrija, il-ministeru tal-edukazzjoni qal li kull karta tal-benchmark kienet immarkata minn żewġ markaturi differenti. Dan l-eżerċizzju sar minn 126 markatur.
Ir-riżultati miksuba mill-istudenti intbagħtu lill-iskejjel fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju u lill-istudenti ntbagħtulhom iktar kmieni din il-ġimgħa. Ir-riżultati jinkludu il-marki tal-istudent f’kull parti ta’ kull eżami u l-medja nazzjonali f’dawn l-istess partijiet.
Joħorġu r-riżultati tal-eżamijiet tal-Benchmark
