Internazzjonali

Kriżi finanzjarja serja fiċ-Ċina

Hekk kif l-attenżjoni tinsab fuq il-kriżi Griega, fuq in-naħa l-oħra tad-dinja , fiċ-Ċina, qed tiżviluppa kriżi finanzjarja serja fejn f’temp ta’ ftit ġimgħat l-ishma Ċiniżi fis-swieq finanzjarji tilfu 3.2 triljun dollaru Amerikan.
Dan wassal għal intervent ta’ emerġenza mill-Gvern u twissijiet li jista’ jkun hemm l-inkwiet fit-toroq.
Il-media Ċiniża kontrollata mill-Istat qed tipprova sserraħ l-imħuħ tan-nies u biex jibqgħu kalmi u jagħtu ċans lill-miżuri tal-Gvern biex iħallu effett.
Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni, il-Bank Ċentrali Ċiniż beda jsellef il-flus lill-investituri biex jixtru l-ishma fi sforz li jġibu s-sitwazzjoni taħt kontroll. Din hi l-ewwel darba li fondi mill-Bank Ċentrali Ċiniż intużaw b’dan il-mod u osservaturi qalu li dan kien xhieda ta’ kemm kienet serja s-sitwazzjoni.
Barraminhekk kienu imposti restrizzjonijiet oħra biex it-telf tal-ishma Ċiniżi jitrażżan.
Esperti huma mħassba li jekk is-sitwazzjoni ma tinġiebx taħt kontroll is-swieq finanzjarji Ċiniżi jistgħu jkomplu jikkrollaw.
Imma s’issa l-miżuri ta’ emerġenza li kienu imposti ma servew ta’ xejn u l-kriżi fis-swieq finanzjarji Ċiniżi komplew jitilfu fil-valur. Tant li madwar 700 kumpannija talbu biex jieqaf il-kummerċ fl-ishma tagħhom minħabba t-telf li qed issofru.