Lokali

L-azzjoni industrijali fil-Freeport preċedent perikoluż – il-Kamra tal-Kummerċ

Filwaqt li d-drittijiet u s-sigurta’ tal-ħaddiema għandha tkun salvagwardjata il-ħin kollu, l-imsieħba soċjali m’għandhom qatt jinsew il-kompetittivita’ tal-pajjiż.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet dan b’reazzjoni għall-azzjoni industrijali li seħħet il-Ħadd li għadda wara li l-ħaddiema tal-Freeport waqfu mix-xogħol f’azzjoni industrijali b’solidarjeta’ għal sitt ħaddiema li ġew sospiżi mix-xogħol wara li ma rrappurtawx għal xi sigħat ta’ overtime li skont direttivi tal-Unions tal-ħaddiema, ma kienux obbligati li jagħmlu.

Skont ħaddiema tal-Freeport li tkellmu ma’ dan is-sit, min jaħdem xogħol ta’ bil-lejl u jħaddem makkinarju tqil u perikoluż, ma jistax jaħdem iktar minn 8 siegħat skont direttiva tal-Unjoni Ewropea. Minkejja dan, il-Freeport titlob lill-ħaddiema biex jirrappurtaw għal erba’ siegħat xogħol żejda qabel jibda x-xift tal-ħaddiema tal-Freeport f’nofsillejl jew inkella wara li x-xift jintemm fit-8 ta’ filgħodu.

Skont ħaddiema tal-Freeport, hemm anke direttivi tal-Unions, partikolarment tal-GWU u tal-UĦM biex il-ħaddiema tal-Freeport jirrappurtaw għal dan l-overtime biss jekk iħossuhom f’saħħithom li jagħmlu dan.
Sospensjoni ta’ sitt ħaddiema nhar il-Ħadd li għadda talli ma rrappurtawx għal dan l-overtime wassal għal azzjoni industrijali mill-ħaddiema kollha, azzjoni li bdiet billejl u li kompliet anke mill-ħaddiema tax-xift ta’ filgħodu.

Fl-istqarrija tagħha l-Kamra tal-Kummerċ qalet li l-azzjoni industrijali setgħet fissret preċedent u li tista’ tfisser sitwazzjoni mhux mixtieqa fil-futur.

Filwaqt li l-Kamra tal-Kummerċ għarfet li hemm id-direttiva tal-Unjoni Ewropea imsejjħa ‘Working Time Regulation’ dwar il-massimu ta’ siegħat li għandhom jaħdmu l-ħaddiema skont il-ħin u t-tip ta’ xogħol li jagħmlu, il-Kamra qalet li l-Freeport għandu rwol kruċjali fiċ-ċiklu ekonomiku tal-pajjiż u interruzzjoni fil-ħidma tiegħu jista’ jaffettwa b’mod negattiv lill-konsumaturi u lin-negozji.

Il-Kamra qalet li jekk issir azzjoni industrijali oħra, din tħalli effetti serji fuq l-operazzjoni tan-negozji f’Malta.

Il-Kamra tal-Kummerċ temmet tawgura li fil-futur, in-naħat kollha involuti jsibu mod kif jassiguraw dħul u xogħol kemm għan-negozji kif ukoll għall-impjegati, filwaqt li tennet li filwaqt li għandha tingħata attenzjoni lis-saħħa u s-sigurta’ tal-ħaddiema, il-kompetittivita’ tal-pajjiż għandha tibqa’ tinżamm bħala element kruċjali.