Lokali

L-istandards ambjentali tal-Gvern “missew il-qiegħ” – Din l-Art Ħelwa

L-Għaqda ambjentali Din l-Art Ħelwa qalet li ma jagħmilx sens li l-Gvern baqa’ sejjer bid-dibattitu dwar il-liġijiet li jirregolaw il-qasma fil-MEPA meta l-istess Gvern qabel li jkun hemm żmien ta’ konsultazzjoni ta’ erba’ ġimgħat.

Fi stqarrija, Din l-Art Ħelwa qalet li l-insistenza tal-Gvern li jsir id-dibattitu llum turi li l-proċess ta’ konsultazzjoni hu biss eżerċizzju finta.

Il-Ministru Leo Brincat u s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon ċaħħdu lis-soċjeta’ ċivili milli tressaq it-tħassib tagħha.

Din l-Art Ħelwa tgħid li l-kredenzjali ambjentali ta’ dan il-Gvern missew il-qiegħ u l-proposti biex il-MEPA tinqasam huma ntiżi biex isaħħu id l-iżviluppaturi u jdgħajjfu l-vuċi ambjentali fil-proċess tal-ippjanar.

Sadanittant, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi ukoll ilmentat li kienet diskriminata waqt il-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent. Fi stqarrija l-MDA qalet li hi NGO reġistrata u kellha tkun mistiedna għal din il-laqgħa bħall-NGO’s l-oħra iżda membri tal-Assocjazzjoni attendew xorta waħda.

L-MDA qalet li filwaqt li l-għaqdiet ambjentali ingħataw għaxar minuti kull wieħed biex jispjegaw il-pożizzjoni tagħhom, il-membri tal-MDA ingħataw żewġ minuti biss u mill-ewwel twaqqfu miċ-chairman.

L-MDA qalet li hu inaċċettabbli li tiġi trattata b’dan il-mod f’soċjeta’ demokratika fuq materja daqstant important għaliha li tirrappreżenta is-settur tal-kostruzzjoni u l-propjeta.