Sport

L-Istati Uniti jibdew b’rebħa

Il-holders tal-CONCACAF Gold Cup, l-Istati Uniti bdew jiddefendu t-titlu b’rebħa ta’ 2-1 kontra l-Honduras. It-tim immexxi minn Jurgen Klinsmann qed jipprova jirbaħ din il-kompetizzjoni għas-sitt darba imma minkejja r-rebħa li kisbu f’din il-partita ta’ Grupp A, żgur li jridu jtejjbu l-wirjiet tagħhom fil-partiti li jmiss.

Wara xi attakki tal-Honduras, l-Istati Uniti fetħu l-iskor fis-26 minuta permezz ta’ Clint DEMPSEY li skurja b’daqqa ta’ ras minn azzjoni ta’ corner. Fit-tieni taqsima il-Honduras komplew jattakkaw biex isibu l-gowl tad-draw imma reġgħu kienu l-Amerikani li sabu x-xibka. Minn free kick ta’ Michael Bradley dan tefa’ cross li sab lil DEMPSEY li għal darba oħra għeleb lill-gowlkiper avversarju b’daqqa ta’ ras. Kien biss fis-70 minuta meta l-Honduras skurjaw gowl permezz ta’ DISCUA imma ma għarfux jibnu fuq dan il-gowl. Grazzi għal din it-telfa l-Honduras issa ilhom erba’ partiti bla rebħa.
F’kummenti li ta wara l-partita l-kowċ tal-Istati Uniti Klinsmann qal li mhux qed jistenna li t-tim tiegħu jkun fl-aqwa forma għalissa. Klinsmann kompla jgħid li kien jaf li kienet se tkun logħba diffiċli. L-impenn li jmiss għall-Amerikani hu dak ta’ nhar il-Ġimgħa meta dawn jilagħbu kontra l-Haiti.

Fil-partita l-oħra mill-istess grupp, il-Haiti salvaw draw ta’ 1-1 fl-aħħar minuti kontra l-Panama. Kien fis-56 minuta meta l-Panama fetħu l-iskor. Alberto QUINTERO approfitta minn żball fid-difiża avversarja u skurja b’xutt mill-isbaħ. Arroyo kważi għamel l-iskor 2-0 imma ġie imċaħħad minn save mill-aqwa ta’ Placide u ta’ dan pattew qares għax erba’ minuti mit-tmiem il-Haiti ġabu d-draw b’gowl ta’ NAZON li kien ilu biss sitt minuti fil-grawnd.