Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament appella lill-Gvern iwaqqaf id-dibattitu biex l-ewwl issir il-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili
L-Oppożizzjoni mhix se tkun qed tipparteċipa fid-dibattitu fil-Parlament li kompla mill-Gvern dalgħodu dwar dak li jrid jgħaddi l-Gvern u f’dak li qiegħed jipproponi għall-ambjent ta’ pajjiżna jekk se jibqa’ għaddej u jagħlaq id-dibattitu fil-Parlament qabel ma ssir il-konsulatzzjoni mas-soċjetà ċivili.
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, appella lill-Gvern biex jieqaf u ma jkomplix bid-dibattitu qabel ma ssir il-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili u kif jixraq lill-poplu.
Meta dalgħodu tlaqqa’ l-Parlament biex jiddiskuti waħda mit-tliet liġijiet dwar l-ambjent – l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, Mario de Marco saħaq li l-Oppożizzjoni ma tridx tkun kompliċi mal-aġir tal-mistħija tal-Gvern li ma jridx jisma’ l-ewwel lis-soċjetà ċivili qabel ma jiddibatti l-liġi dwar l-ambjent fil-Parlament.
L-Oppożizzjoni tisħaq li l-Gvern irid l-ewwel jagħmel konsultazzjoni serja u sħiħa qabel ma jressaq l-abbozz għall-kunsiderazzjoni tal-Kamra – hekk jitolbu prinċipji demokratiċi tal-Parlament.
It-teatru ta’ demokrazija aktar qed jixbah teatru tal-assurd
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament, qal li f’dawn ix-xhur it-teatru ta’ demokrazija aktar qed jixbah teatru tal-assurd għaliex qed niddibattu t-Tieni Qari ta’ Liġi importanti u li se jkollha impatt fuq il-landscape ambjentali ta’ pajjiżna. Liġi li tista’ tagħmel differenza fuq il-protezzjoni jew nuqqas ta’ protezzjoni tal-ambjent. Quddiem dan kollu, il-Gvern irid jibqa’ għaddej bid-dibattitu meta għadu għaddej bil-konsultazzjoni fuq l-istess liġi.
Bilfors għalhekk tistaqsi x’tip ta’ dibattitu jrid il-Gvern meta l-Parlament ma jismax dak li se tgħid jew li tixtieq tgħid is-soċjetà ċivili.
Saħaq li meta jsir dibattitu fil-Parlament fuq Abbozz ta’ Liġi, irridu nagħtu widen għal dak li għandu xi jgħid il-poplu. Spjega li l-proċess ta’ konsultazzjoni għadu kemm infetaħ u għandu erba’ ġimgħat biex jngħalaq. Ikkritika lill-Gvern li meta li l-proċess għadu lanqas beda għaddej, il-Gvern irid jgħaġġel id-dibattitu biex jagħlaq it-Tieni Qari ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi.
Irrimarka wkoll li quddiem dan id-dibattitu importanti, huma ftit id-deputati preżenti fil-Kamra fit-teatru tad-dibattitu fil-Parlament. Staqsa x’tip ta’ dibattitu jrid il-Gvern meta jrid jagħlaq id-dibattitu bid-deputati ma semgħux lis-soċjetà ċivili. X’tip ta’ konsultazzjoni jrid jagħmel il-Gvern?
Is-soċjetà ċivili għadha ma semmatx il-vuċi tagħha
Mario de Marco saħaq li l-konsultazzjoni mill-Gvern hi biss daħk fil-wiċċ meta jkollok konsultazzjoni li għadha għaddejja iżda l-Gvern diġà qed jagħlaq id-dibattitu fil-Parlament.
Staqsa jekk hux dan il-mod li l-Gvern jgħid li jisma’ meta għażel diġà li ma jismax mis-soċjetà ċivili għaliex is-soċjetà ċivili għadha ma semmatx il-vuċi tagħha.
Mario de Marco qal li dan juri li l-Gvern la qed jieħu l-proċess ta’ konsultazzjoni b’serjetà u wisq anqas qed jieħu d-dibattitu fil-Parlament
Sejjaħ bħala insult lejn is-soċjetà u lejn id-deputati parlamentari meta l-Gvern qed jinsisti li jsir dibattitu mingħajr mal-Parlament jisma’ lis-soċjetà
Ikkritika lill-Gvern li jrid jevita dibattitu serju fuq liġi hekk serja bħalma hi l-liġi dwar il-protezzjoni tal-ambjent.
Fakkar li l-Abbozz ta’ liġi li qed jitressaq illum, il-Gvern ħa aktar minn 30 xahar biex jippubblikah. L-Abozz ġie ppubblikat nhar il-Ġimgħa li għaddiet u ppubblikat fuq il-websajt tal-Gvern tlett ijiem wara.
Kritika wkoll lill-Gvern mill-media indipendenti
Semma li dan l-aġir tal-Gvern fil-mod kif il-Gvern qiegħed jgħaġġel u ma jridx jisma’ lis-soċjetà ċivili qabel ma ssir id-diskusssoni fil-Parlament, kien ikkritika ukoll mill-media indipendenti b’editorjali ppubblikati llum f’The Times of Malta u f’The Malta Independent.
Fakkar ukoll li l-NGOs ukoll ilmentaw dwar nuqqas suffiċjenti biex jipparteċipaw fil-konsultazzjoni, bil-Gvern jagħti avviż ta’ anqas minn 24 siegħa biex jitlaqqa’ l-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u jistedinhom jagħtu l-proposti tagħhom – f’liema stedina l-NGOs iddikjaraw quddiem il-Kumitat Parlamentari li ma kellhomx żmien biżżejjed u talbu aktar żmien għall-konsultazzjoni.
Il-Gvern qiegħed imur kontra l-Konvenzjoni tal-Aahrus
Ikkritika wkoll lill-Gvern li qiegħed imur kontra l-Konvenzjoni tal-Aahrus minħabba li mhux qiegħed iħares id-dritt li s-soċjetà ssemma leħinha. Semma li bħala pajjiż ċkejken, il-kampanja hi żgħir u għandna densità ta’ popolazzjoni għolja u għaldaqstant l-impatt ambjentali hu qawwi f’kull żvilupp li jsir.
Mhux qed ngħixu f’ċirkustanzi normali
Mario de Marco spjega wkoll li mhux qed ngħixu f’ċirkustanzi normali meta f’zona ODZ disinjata għal park naturali, il-Gvern jagħtiha għall-iżvilupp.
Ikkritika wkoll li l-Gvern illum qiegħed jipprova jidderieġi hu d-deċiżjoni ta’ żvilupp f’pajjiżna u mhux qiegħed iħalli lir-regolatur indipendenti. Hu l-Gvern li llum qiegħed jiddetta fejn u kif irid l-iżvilupp fil-pajjiż.
Dwar il-pożizzjoni li qed jieħdu NGOs għal dak li jrid jilleġisla l-Gvern illum, Mario de Marco qal li l-NGOs illum huma xettiċi għall-ħolqin ta’ awtorità ambjentali għaliex dak li trid tara s-soċjetà ċivili llum mhux it-tnaqqis tal-vuċi ambjentali iżda t-tisħiħ tal-vuċi fil-MEPA. L-Oppożizzjoni trid vuċi ambjenntali b’saħħitha għaliex dak li jixraqlu l-ambjent f’pajjiżna.
Għad-deċiżjoni tal-Gvern li qed jogħġbu jagħmel id-dibattitu bla ma jisma’ u jikkunsidra dak li tista’ tgħid is-soċjetà ċivili fuq abbozz ta’ liġi importanti, l-Oppożizzjoni mhix lesta li tkun parti minn dan l-aġir tal-Gvern li hu tal-mistħija meta qiegħed jibqa’ għaddej bid-dibattitu fil-Parlament meta għadu ma semax lis-soċjetà ċivili.
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament saħaq li l-Oppożizzjoni trid tkun infurmata, filwaqt li l-vot fil-Parlament irid ikun motivat bil-ħsieb tal-poplu li l-Parlament jirrappreżentah.
//= $special ?>