Tappella għas-sens komun u biex il-Gvern jibda jisma’ wara li rrelega l-ambjent flok ma pproteġih
L-Oppożizzjoni llejla fil-Parlament qed tibgħat messaġġ lill-Gvern li hemm xi ħaġa fundamentali li hi ħażina fil-mod kif il-gvern qiegħed jiggverna u jagħmel l-affarijiet.
Fi stqarrija li nħarġet waqt li fil-Parlament kienet għaddejja l-votazzjoni dwar il-mozzjoni li biha l-Gvern qiegħed iwaqqaf il-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-iSPED, l-Oppożizzjoni ddikjarat li qed tagħżel li tuża l-għodda tad-demokrazija parlamentari billi ssejjaħ division fuq il-voti tal-klawsoli fil-liġi li biha se jitħaddem l-iSPED.
L-Oppożizzjoni qed titlob li jkun hemm waqfa ta’ 20 minuta skont ir-regolamenti tal-Kamra bejn kull vot fuq dawk l-emendi fil-liġi tal-iSPED imressqa mill-Gvern li l-Oppożizzjoni mhix taqbel dwarhom u qed toġġezzjona għalihom.
L-Oppożizzjoni qed tagħmel dan għaliex temmen li l-Gvern irrelega l-ambjent flok ma pproteġih.
Temmen li Gvern “li jisma’” mhuwiex jisma’ iżda qiegħed jgħaddi b’saħħa minn fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u minn fuq iċ-ċittadini li jridu bilanċ ġust bejn l-ambjent u l-iżvilupp.
L-Oppożizzjoni qed tieħu din il-pożizzjoni fil-Parlament ukoll minħabba li l-Gvern iħares lejn il-protezzjoni tal-ambjent bħala ostaklu għall-intenzjonijiet tiegħu li juża l-art u l-ippjanar biex iżomm mal-wegħdi moħbija li għamel.
Il-mod kif il-Gvern qiegħed jimxi bl-iSPED flimkien mat-tliet liġijiet li l-Gvern qiegħed jgħaġġel biex japprova mill-Parlament biex jiżmantella l-MEPA, huma evidenza ċara tal-intenzjonijiet tiegħu. Daqstant hi tal-mistħija d-deċiżjoni li jiżviluppa art mhux mittiefsa fiż-Żonqor minkejja l-oppożizzjoni kollha li sab fil-pajjiż.
L-Oppożizzjoni fissret ukoll li tliet ġimgħat biss ilu barra l-Parlament, il-poplu assista għall-akbar protesta kontra l-isfreġju tal-ambjent. Il-poplu li pprotesta jistħoqqlu vuċi, u l-Oppożizzjoni llejla fil-Parlament qed tagħti din il-vuċi.
L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern juri sens komun u jibda jisma’.
Il-Parlament għadu għaddej jivvota fuq l-emendi li qiegħed iressaq il-Gvern, bl-Oppożizzjoni titlob division, u waqfa ta’ 20 minuta fuq dawk l-emendi li mhix qed taqbel magħhom. Il-voti fuq l-emendi li qed iwaqqfu l-iSPED, bdew jittieħdu fil-Parlament għall-ħabta tad-9pm.
//= $special ?>