Futbol Sport

Laporta mhux ċert iridx lil Turan

Joan Laporta, eks President ta’ Barcelona qal li m’huwiex ċert jekk iridx iżomm lil Arda Turan jekk kemm-il darba jkun elett President għat-tieni darba fit-18 ta’ Lulju li ġej.

Nhar it-Tliet aBarcelona akkwistaw lill-midfielder ta’ Atletico Madrid Arda Turan għas-somma ta’ 41 miljun ewro.
Barcelona għandhom ċans sal-20 ta’ Lulju biex jirritornaw lura lil Turan jekk il-President il-ġdid ma jkunx iridu. Filwaqt li Laporta faħħar lil Turan qal li se jitkellem mal-kowċ Luis Enrique qabel ma jieħu deċiżjoni finali. Arda Turan ma jistax jilgħab sa qabel Jannar li ġej mal-klabb il-ġdid tiegħu minħabba piena li kienu ingħataw Barcelona mill-FIFA minħabba li kienu kisru xi regolamenti tat-trasferimenti.

Hu għalhekk li ż-żewġ klabbs Torok Fenerbahce u Galatasaray huma interessati biex jakkwistaw lil Turan b’self sa Jannar li ġej.

MEXES – Id-difensur ta’ Milan Philippe Mexes ġedded il-kuntratt tiegħu b’sena mar-Rossoneri. Kien hemm spekulazzjonijiet li Mexes kien se jħalli lill-klabb b’xejn minħabba li kien se jiskadielu l-kuntratt imma l-eks plejer ta’ Roma issa se jibqa’ ma’ Milan.

CARVAJAL – Real Madrid ħabbru li d-difensur Dani Carvajal ġedded il-kuntratt li se jorbtu sal-2020. Carvajal hu prodott tal-akkademja tal-Merengues. Intant, il-futur tad-difesur l-ieħor Sergio Ramos għadu inċert.

MAN CITY – Manchester City akkwistaw lill-plejer internazzjonali Tork ta’ 18-il sena Enes Unal. Fl-istaġun li għadda Unal kien qed jilgħab f’pajjiżu ma’ Bursaspor u s-Citizens ma qalux is-somma li ħallsu għal dan il-plejer. Unal libes anke darba l-flokk tat-tim nazzjonali tal-kbar. Fl-2013 hu kien sar l-iżgħar plejer li qatt skurja fl-ogħla diviżjoni Torka. TOTTENHAM – Il-midfielder ta’ Tottenham Nabil Bentaleb ġedded il-kuntratt b’ħames snin. Bentaleb, plejer Alġerin kien ingħaqad mal-Ispurs f’Jannar tal-2012. Barra minn hekk l-Ispurs akkwistaw lid-difensur ta’ Atletico Madrid Toby Alderweireld. Alderweireld, li sena ilu kien b’self ma’ Southampton iffirma kuntratt ta’ ħames snin.