Mara mlaħħqa fil-ġerarkija tal-ISIS li, ġimgħat ilu, inqabdet mill-qawwiet Amerikani fis-Sirja, żvelat dettalji xokkanti dwar hekk imsejħa ‘networks tan-nisa’ fi ħdan l-ISIS li jieħdu ħsieb ir-reklutaġġ tan-nies, minbarra attivitajiet ta’ spjunaġġ u l-ħtif u l-bejgħ tan-nisa bħala skjavi sesswali.
Il-mara, Umm Sayyaf, spiċċat f’idejn il-qawwiet Amerikani waqt rejd f’Deir Ezzor (fis-Sirja), b’żewġha, li kien jismu Abu Sayaff, jispiċċa maqtul. Ir-rapporti qalu li nħatfu l-laptops u t-telefons ta’ Abu Sayaff li wkoll kellu grad għoli mal-ISIS, fejn kien magħruf bħala ‘l-ministru taż-żejt’ ta’ dan il-grupp.
Illum, Umm Sayyaf qed tikkoopera mal-uffiċjali Amerikani fejn żvelat l-ismijiet u l-contact details tal-kmandanti ewlenin tal-ISIS. Fl-istess ħin, hi ammettiet li kienet tmexxi grupp magħmul kollu kemm hu min-nisa, li kien imexxi kampanja ta’ skjavitù u għall-ispjunaġġ.
Umm Sayyaf hi fost il-ftit nisa li ngħataw responsabbiltà għolja fi ħdan l-entità terroristika tal-ISIS. Dan meta n-nisa li qed jgħixu taħt l-ISIS fis-Sirja u l-Iraq rari jingħataw pożizzjoni mlaħħqa mal-grupp. Madankollu diversi minn dawn in-nisa ġieli jkunu jafu b’ċerta diskursati sigrieti min-naħa tat-terroristi.
Għaldaqstant, hemm l-indikazzjonijiet li l-informazzjoni li Umm Sayyaf ipprovdiet lill-uffiċjali Amerikani fl-aħħar ġimgħat hi relatata ma’ wħud mill-ogħla elementi tal-ISIS. Hemm anki l-possibiltà li din l-informazzjoni tolqot direttament lill-Kap suprem tat-terroristi, Abu Bakr al-Baghdadi.
Uħud jirreferu għal Umm Sayyaf bħala ‘konsulent ewlieni ta’ ċerta influwenza’ mal-ISIS iżda hi ma kellhiex il-grad ta’ ‘Kmandant’. Umm Sayyaf hi l-aktar mara mlaħħqa tal-ISIS li qatt żvelat is-sigrieti tal-grupp qattiel, iżda kien hemm ukoll nisa oħra, qabilha, li kixfu d-dettalji tal-moviment ġiħadista.
Dan meta numru kbir tan-nisa rnexxielhom jaħarbu lill-ISIS fejn irrakkuntaw l-istejjer tal-istupru u l-massakri li twettqu taħt idejn l-irġiel tagħhom, kollha ġiħadisti tal-ISIS. L-istess nisa ukoll kienu sofrew l-aġir brutali tal-irġiel li qed imexxu l-ideoloġija qattiela tal-ISIS.
//= $special ?>