Jistenna l-eżitu tal-investigazzjonijiet dwar il-każ Gaffarena-Kastilja-Zammit
Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon ma weġibx mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni dwar it-trasferiment tal-propjretà fi Triq Zekka – l-iskandlu ta’ Gaffarena-Kastilja-Zammit – u ddikjara fil-Parlament li se jistenna l-investigazzjonijiet li għaddejjin u wara jkun jista’ jipproċedi mir-riżultati tal-inkjesti.
Fil-ħin tal-mistoqsijiet, il-Kap tal-Oppożizjzoni Simon Busuttil, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco; u d-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus għamlu diversi mistoqsijiet wara li s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, f’isem il-Prim Ministru, wieġeb lix-Shadow Minister Marthese Portelli dwar trasferiment ta’ artijiet, u qal li l-informazjoni għadha qed tinġabar u ma tax l-informazzjoni mitluba.
Ix-Shadow Minister staqsiet lill-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proprjetajiet u/jew artijiet li jaqgħu taħt id-Dipartiment tal-Artijiet li ġew mgħoddija lil terzi bi kwalunkwe titolu bejn l-1 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari.
Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus staqsa jekk dwar il-każ ta’ Triq Zekka, jistax jgħid is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon min kien li ta l-ordni li l-Palazz fi Strada Zekka jiġi esproprijat.
Mario de Marco staqsa min awtorizza l-espropriazzjoni u fuq liema bażi ttieħdet id-deċiżjoni li jiġi espropriat sehem indiviż ta’ proprjetà.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni ikkjarifika li fil-kritika li għamel dwar dan l-iskandlu li dwaru għaddejjin investigazzjonijiet, fil-Parlament kien ċar meta ddikjara li jimmaġina u jittama li s-Segretarju Parlamentari ma daħħal xejn fil-but.
Staqsa wkoll lis-Segretarju Parlamentari jgħid li minħabba li l-Gvern diġa esproprija kwart u kwart ta’ din l-binja fi Triq Zekka fil-Belt mingħand Marco Gaffarena, x’inhi l-intenzjoni tal-Gvern dwar il-kumplament tal-binja.
Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon wieġeb li ma jħossux li għandu jwieġeb dwar dan il-każ sakemm joħroġ l-eżitu tal-investigazzjonijiet li għaddejjin.
//= $special ?>