Lokali

“Tal-farmhouse selħet lili u lill-familja ta’ sieħbi”

“Ħallasna €300 cash u qatt ma ħadnihom lura”. Hekk stqarr magħna persuna li għadda mill-istess esperjenza ta’ grupp Maltin li allegatament ġew frodati fl-aħħar ġimgħat – każ dwar mara li qed titlob ħlasijiet biex tikri farmhouse li għandha qrib Chadwick Lakes imbgħad tikkanċella l-booking li jkun sar, bir-riżultat li l-flus qatt ma jingħataw lura lil min ikun ħallas.

Ir-raġel li tkellem magħna jispjega li ra l-farmhouse reklamata fuq Facebook. “Ikkuntatjajnihom minn hemm, u rranġajna li nibbukjaw ġimgħa sħiħa. Il-prezz mitlub kien ta’ €800.”

Fl-intervista qalilna li l-booking sar għal ħabib tiegħu u l-familja tiegħu li ġew Malta għall-ewwel darba. “Kienet l-ewwel vaganza għat-tfal ta’ dan il-ħabib tiegħi. Sippost kellha tkun okkażjoni speċjali”.

Ir-raġel spjegalna li huma iltaqgħu mal-propjetarja tal-farmhouse fil-Kalkara. Anke dan deher stramb għaliex il-Kalkara kien ‘il bogħod mill-post li konna se nikru. “Il-mara kienet stramba ħafna. Dehret qisha kienet taħt xi influwenza tad-droga. U mal-ewwel kien hemm xi ħaġa mhux f’postha”.
Jirrakkonta kif dakinhar li iltaqgħu mal-mara ħallsu deposit, iżda immedjatament ħassewhom li kienu instelħu minn din il-mara.

Ir-raġel għamel xi ġranet jipprova jagħmel kuntatt magħha bit-telefon, imma la wieġbet telefonati u lanqas sms. “Imbgħad ċempilna lil omm din il-mara u qaltilna li bintha kienet tilfet it-telefown. Iżda indunajna li kienet qed tigdeb”.

“Ftit wara irnexxielna insibu l-indirizz eżatt tal-farmhouse. U hemm sibna diżastru sħiħ, inkluż tajn fil-pool tal-farmhouse. Veru kienet selħitna”.

S’issa għadu mhux ċar jekk il-Pulizija humiex jinvestigaw dawn l-allegazzjonijiet serjissimi u jekk avviċinawx lis-sid ta’ din il-farmhouse. Mhux ċar lanqas jekk hux se jittieħdu passi fir-rigward tal-flus dovuti lil dawk li ingidmu.

Jumejn ilu ‘In-Nazzjon’ żvela każ ieħor fejn fl-aħħar ġimgħat grupp ta’ persuni ħallsu s-somma ta’ €570 għall-użu ta’ din l-istess farmhouse, liema użu ma seħħ qatt.

Ma’ dan il-ġurnal spjegaw kif madwar tliet xhur ilu, qabel is-sajf, ibbukkjaw il-farmhouse fil-limiti tar-Rabat. Għall-użu ta’ din il-farmhouse bejn it-12 u l-14 ta’ Ġunju, dan il-grupp ta’ persuni ħallas is-somma ta’ €570, li jinkludu d-depożiti u l-ħlas totali, li tħallsu minn qabel bħala konferma li se jikru l-post.