Meta l-Gvern illejla kompla għaddej bid-deċiżjoni tiegħu li jkompli jressaq f’maratona ta’ dibattiti fil-Parlament il-liġijiet dwar l-ambjent, l-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern ma jkomplix jinsulenta lill-poplu u jieqaf mid-dibattitu u jħalli l-konsultazzjoni tintemm mas-soċjetà ċivili qabel ma jiddibatti fil-Parlament.
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, saħaq li l-Gvern irid jevita dibattitu serju u infurmat fuq liġi hekk importanti.
“Meta tiftaħ proċess ta’ konsultazzjoni trid tagħlqu qabel ma tibda dibattitu fuq dik il-liġi”, saħaq Mario de Marco fil-bidu tad-dibattitu llejla fuq it-tieni liġi li ressaq il-Gvern fl-istess ġurnata, bit-tieni waħda tittratta l-ippjanar tal-iżvilupp biex tiġi żmantellata l-MEPA u jitwaqqfu żewġ awtoritajiet flok waħda.
Mario de Marco tenna l-messaġġ lill-Gvern u li kien diġà għamel fid-dibattitu ta’ filgħodu, li l-Oppożizzjoni mhix lesta li tkun parteċepi f’din il-parodija għaliex dan id-dibattitu hu tal-mistħija u insult lejn il-membri parlamentari u lejn il-poplu.
L-Opożizzjoni trid tiġi infurmata bil-fehma tas-soċjetà ċivili li nirrappreżentaw ukoll, biex meta niġu biex nivvutaw u nressqu emendi, inkunu motivati bil-ħsieb tal-istess poplu li nirrappreżentaw.
L-Oppożizzjoni tistenna lill-Gvern jagħmel proċess ta’ konsultazzjoni sħiħ u serju qabel iressaq dan l-Abbozz għall-approvazzjoni tal-Kamra.
“Hekk jitolbu l-prinċipji bażiċi demokratiċi”, saħaq Mario de Marco.
F’isem il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Oppożizzjoni kollha, Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni mhix se tkun qed tipparteċipa f’dan id-dibattitu qabel ma jingħalaq il-proċess ta’ konsultazzjoni.
Iddikjara li jekk il-Gvern irid jagħlaq dan id-dibattitu qabel ma tagħlaq il-konsultazzjoni, il-Gvern irid jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dan l-insult. Appella lill-Gvern jieqaf u jisma’ qabel ma’ din il-liġi tingħalaq.
Sejjaħ din is-sitwazzjoni bħala surreali u li anke s-soċjetà ċivili fissret bħala insult dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, bil-Gvern ikollu jbaxxi rasu u jagħti żmien ta’ erba’ ġimgħat.
Minkejja dan, saħaq Mario de Marco, il-Gvern xorta baqa’ jinsisti li jibda u jagħlaq dan id-dibattitu fil-Parlament qabel ma jispiċċa l-perjodu ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċvili.
Fisser li Gvern li suppost jisma’ u li jrid jagħti spazju għas-soċjetà, għadu ma fehemx il-funzjoni tal-Parlament. Ma fehemx x’inhu r-rwol tad-deputati eletti fil-Parlament. Gvern li ma rrealizzax li d-deputati ma jirrappreżentawx biss lilhom infushom u lill-partiti, iżda li qabel kollox huma wkoll deputati u rappreżentanti tal-poplu. Ma fehemx lanqas kif jagħmel konsultazzjoni serja u ta’ vera mas-soċjetà.
Staqsa jekk il-Gvern hux jagħmel dibattitu serju meta jrid jiftħu u jagħlqu qabel ma jtemm il-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili. Jekk irid perjodu ta’ konsultazzjoni serju, qal Mario de Marco, il-Gvern irid l-ewwel jikkonsulta u jisma’ r-reazzjoni tas-soċjetà u wara jikkunsidra jekk ibiddilx il-liġi jew le.
Iżda dan hu Gvern li jird jibqa’ għaddej b’dak li jrid jagħmel, waqt li rrimarka li s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon ma tkellem xejn fuq prinċipji tal-liġi iżda fuq id-dettalji tal-liġi.
//= $special ?>