Fi stqarrija li ħarġu, il-Provinċjal tal-Ġiżwiti Fr Patrick Magro SJ u t-tim li mexxa l-appell biex titħares il-missjoni tad-Dar tal-Irtiri Mount St Joseph irringrazzjaw lil dawk kollha li b’xi mod offrew l-għajnuna u s-sapport tagħhom matul dawn l-aħħar xahrejn.
Dan wara li l-Gvern ħabbar li d-diskussjonijiet għall-iżvilupp ta’ shooting range nazzjonali ta’ 70,000 metru kwadru biswit Mount St Joseph issa twaqqfu u din mhux se ssir.
Il-Ġiżwiti rringrazzjaw lill-media kollha li ħadmet biex twassal il-messaġġ tagħhom lill-pubbliku, lill-professjonisti kollha li għenuhom bir-riċerka u bl-esperjenza tagħhom, u lill-Front Ħarsien ODZ u l-għaqdiet kollha tal-ambjentalisti li qegħdin jaħdmu biex jitħares l-ambjent naturali ta’ pajjiżna.
Il-Ġiżwiti wiegħdu li se jibqgħu jaħdmu għall-ġustizzja ekoloġika kif għamlu fil-passat u kif jagħmlu fid-dinja kollha, waqt li rringrazzjaw ukoll lill-Kummissjoni Interdjoċesan għall-Ambjent għall-istqarrija li ħarġet.
Kelma oħra ta’ ringrazzjament għaddewha lill-eluf ta’ nies li ċemplu, bagħtu messaġġi u firxu l-kelma biex juru l-appoġġ tagħhom għal dan l-appell li għamlu f’isem dawk kollha li użaw id-Dar jew li xi darba jew oħra sejrin jużawha. Irringrazzjaw ukoll lil dawk kollha li kitbu fil-gazzetti, li għaddew dak li tellgħu onlajn lil sħabhom, u li fuq kollox iffirmaw il-petizzjoni.
Min-naħa tagħhom, fi stqarrija li ħarġu huma wkoll, l-iżviluppaturi lmentaw li ma ngħataw l-ebda raġuni uffiċjali għad-deċiżjoni tal-Gvern li jwaqqaf in-negozjati magħhom u li l-proposta tagħhom titwarrab.
Għalhekk, qalet il-kumpanija U Group Malta Ltd, talbet laqgħa mal-Gvern biex tikseb kjarifika.
Il-kumpanija spjegat li kulma rċeviet kienet ‘scanned copy’ ta’ ittra – li waslitilha bl-email – mingħand id-Diviżjoni tal-Proprjetà tal-Gvern fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li kienet tgħid li n-negozjati mhux se jkomplu.
U Group Malta qalet li rċeviet din il-korrispondenza fit-8 ta’ Lulju, u din bl-ebda mod ma tagħmel referenza għar-raġuni li għaliha ttieħdet din id-deċiżjoni.
Kienet is-Sunday Times li nhar il-Ħadd żvelat li n-negozjati twaqqfu minħabba li l-proġett propost ma kkwalifikax mill-proċess ta’ ‘due diligence’ li jsir f’każi bħal dawn.
Ftit jiem wara l-Gvern ikkonferma dan u ħabbar li dar fuq it-tieni ‘preferred bidder’ għas-sit tal-Busbesija li se jibdew negozjati miegħu fuq il-proposta tiegħu li jibni Dar tal-Irtiri b’faċilitajiet tal-agrituriżmu.
//= $special ?>