Lokali

Aktar indikaturi negattivi għall-ekonomija u l-finanzi

Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) fl-aħħar tliet ijiem – dwar l-iżbilanċ fil-finanzi tal-gvern, u dwar id-differenza bejn l-esportazzjoni u l-importazzjoni – juru li s-sitwazzjoni fiż-żewġ każi marret għall-agħar meta mqabbel mal-perjodi rispettivi s-sena li għaddiet.

Fil-każ tal-iżbilanċ pubbliku, l-istatistika tal-NSO turi li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena dan kien jammonta għal €172.3 miljun li jfisser żieda ta’ €35.5 miljun fuq l-iżbilanċ li kellu l-pajjiż bejn Jannar u Marzu 2014.

Dan kien dovut għall-fatt li filwaqt li d-dħul tal-Gvern żdied b’€59.1 miljun għal €754.6 miljun li hija żieda ewkivalenti għal 8.5%, in-nefqa tal-Gvern żdiedet b’€94.5 miljun jew 11.4%, għal €926.8 miljun.

L-NSO jgħid li f’dak li huwa dħul kien hemm żidiet mit-taxxi f’kull kategorija, inkluż fuq il-produzzjoni u fuq id-dħul kif ukoll mill-kontribuzzjonijiet soċjali. F’dak li huwa nfiq, fl-ewwel tliet xhur tas-sena wkoll kien hemm żidiet kważi f’kull kategorija, fosthom fis-salarji tas-settur pubbliku.

L-istatistika titkellem ukoll dwar id-dejn nazzjonali, li tgħid li żdied b’€143 miljun sal-aħħar ta’ Marzu li għadda. Biex issa d-dejn ilaħħaq €5,641 miljun.

L-istatistika l-oħra tal-Uffiċċju tal-Istatistika dwar dak li jissejjaħ it-‘Trade Deficit’ – jiġifieri d-differenza bejn dak li nimpurtaw u dak li nesportaw bħala pajjiż, turi li dan kompla jiżdied għal €387 miljun f’Mejju. Fl-istess xahar is-sena li għaddiet kien fil-livell ta’ €129 miljun. Dan ifisser li ż-żieda fuq perjodu ta’ sena hi ta’ €258 miljun.

Iż-żieda fid-differenza kienet konsegwenza tal-fatt li l-importazzjoni f’Mejju 2015 żdiedet b’€145 miljun waqt li l-esportazzjoni naqset b’€114 miljun.

L-istess stqarrija tagħti rendikont ukoll tad-differenza bejn dak li esporta pajjiżna u dak li importa fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena – bejn Jannar u Mejju 2015.

Anke hawnhekk, id-differenza fl-iżbilanċ kummerċjali ta’ Malta kompliet tikber fuq l-istess 5 xhur tas-sena l-oħra. Filwaqt li l-iżbilanċ kien fil-livell ta’ €632.4 miljun fl-ewwel ħames xhur tal-2014, dan issa żdied għal €1,181.4 miljun fl-ewwel ħames xhur tal-2015 – żieda ta’ €549 miljun.

Anke f’dan il-każ, dan seħħ minħabba li l-importazzjoni żdiedet waqt li l-esportazzjoni naqset.