Tamer Mohamed Hussein Rozik, baħri Eġizzjan ta’ 36 sena, inżamm arrestat wara li ammetta l-akkuża li t-Tlieta li għadda agredixxa Pulizija mis-Sezzjoni tat-Traffiku. Minħabba l-aggressjoni, li seħħet fi tmiem il-kunċert Isle of MTV Malta Special, il-Pulizija spiċċa bil-helmet imkissra u anke l-ilbies protettiv tiegħu mqatta’.
L-Eġizzjan tressaq quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, akkużat li agredixxa lill-Kuntistabbli Etienne Grima, kif ukoll li weġġgħu ħafif, heddu, għamillu ħsara fl-uniformi u anke li għamel ħsara lil vettura tat-tip Peugeot Partner.
Hu kien akkużat ukoll li kisser stretcher miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u rreżista l-arrest, li agredixxa tliet Uffiċjali oħra tal-Korp li ppruvaw iwaqqfuh, kif ukoll li kiser il-paċi pubblika.
L-Ispettur Pierguido Saliba, li flimkien mal-ispettur Priscilla Caruana Lee qed imexxi l-Prosekuzzjoni, spjega li l-Kuntistabbli Grima kien qed jidderieġi t-traffiku qrib il-Fosos tal-Furjana meta nnota lill-akkużat jaqbeż fuq bonnet ta’ vettura u anke jipprova jaqla’ l-wipers.
Meta l-membru tal-Korp mar jipprova jikkalma lill-Eġizzjan, dan tah daqqiet ta’ ponn u anke bis-sieq. L-Ispettur spjega li l-Kuntistabbli Grima talab l-għajnuna ta’ kollegi tiegħu li kienu fil-qrib biex imorru jassistuh, iżda sadanittant, imn’alla kien l-intervent tal-pubbliku li ppruvaw iwaqqfu lill-akkużat biex ġiet evitata sitwazzjoni agħar.
L-Ispettur Saliba kompla jispjega li kif waslu fil-post, anke l-Uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit spiċċaw aggrediti, filwaqt li kompla jikser il-Liġi wkoll meta ttieħed fl-Għassa tal-Pulizija tal-Belt. F’dan l-istadju, kompla jispjega l-Ispettur, Uffiċjal tal-Korp kellu juża’ siequ biex iwaqqaf lill-Eġizzjan milli jkompli jagħtih bis-sieq.
L-Ispettur kompla jispjega li l-Eġizzjan kompla jkun aggressiv meta ddieħel fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana biex jingħata l-kura, fejn saħansitra kisser stretcher li kien qed jinżamm fuqu. Hu stmat li b’kollox, l-Eġizzjan ikkawża b’madwar €1,400 fi ħsarat. Il-kumpanija li tħaddmu, Virtu Ferries, qalet li lesta tagħmel tajjeb għall-ħsarat.
Filwaqt li ordnat li l-Eġizzjan jibqa’ jinżamm taħt arrest, il-Maġistrat Galea Sciberras ipposponiet il-każ għat-Tlieta li ġej. L-Avukat Abigail Bugeja qed tidher għall-akkużat.
//= $special ?>

