Futbol

B’Kara jgħaddu u jmisshom kontra West Ham Utd

B’wirja mill-aqwa fil-belt ta’ Yerevan fl-Armenja, Birkirkara għelbu lil Ulisses 3-1 biex għaddew għat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Europa League fejn issa se jilagħbu kontra t-tim tal-Premiership Ingliż West Ham Utd.

Bejn il-lasti ta’ B’Kara beda Ini Akpan minflok Jutin Hbaer li ma leħaqx irkupra mill-injury li sofra fl-ewwel leg filwaqt li l-akkwist il-ġdid, l-attakkant Fabrizio Miccoli beda għall-ewwel darba mal-ewwel 11 wara li fl-ewwel leg, li intemmet 0-0 f’Kordin, kien daħal bħala sostitut. L-attakkant Vito Plut, reġa’ għal darba oħra beda mal-ewwel 11 wara li kien iddebutta f’Kordin.

Kien fil-21 minuta meta B’Kara marru fil-vantaġġ b’gowl skurjat minn MICCOLI. Miccoli approfitta minn żball kbir ta’ difensur avversarju li mar iqassam lil sieħbu imma l-pass ma kienx preċiż u l-eks plejer ta’ Lecce tefa’ f’xibka vojta hekk kif sab lill-gowlkiper barra minn postu.

Eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima l-Karkariżi irduppjaw fl-aħjar ħin possibbli. It-tim ta’ Giovanni Tedesco ingħata free kick meta Aleksanyan għamel fawl fuq Vukanac. Mill-freee kick kien Miccoli li din id-darba tefa’ cross perfett li sab lil MAZZETTI li b’daqqa ta’ ras għeleb lill-gowlkiper Beglaryan għal skor ta’ 2-0.

Wara dan il-gowl it-tim Armen beda jżid fil-logħob u fil-71 minuta naqqas id-distakk. Minn azzjoni ta’ corner Aleksanyan tefa’ cross li sab lil MOROZOV li ma żbalajx biex għeleb lill-gowlkiper Niġerjan Akpan. B’Kara bdew iħossu l-pressjoni u ħames minuti wara spiċċaw jilagħbu b’10 meta tkeċċa Terence Vella li kien ilu biss fil-grawnd wara li daħal minflok Murga, li bħal Miccoli, kien daħal bħala sostitut imma fit-tieni leg beda mal-ewwel 11.

Hekk kif Ulisses bdew jittamaw f’rimonta, B’Kara reġgħu skurjaw. Kien fid-79 minuta meta ingħataw penalty hekk kif Mamakhanov waqqà lil Plut fil-kaxxa. Mill-11-il metru Paul FENECH ma żbaljax biex għamel l-iskor 3-1 u qatel kull rimonta ta’ tama li kellhom Ulisses. Għal dawn tal-aħħar kollox kompla ġej għall-agħar meta disa’ minuti mit-tmiem spiċċaw jilagħbu b’10 hekk kif tkeċċa l-captain Artak Aleksanyan.

L-ewwel leg tat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tintlagħab fis-16 ta’ Lulju u t-tieni leg tintlagħab fit-23 ta’ Lulju. Fis-17 ta’ Lulju jittellgħu l-poloz tat-tielet rawnd.