Lokali

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-WSC b’salarju daqs ta’ Charmain u Kap Eżekuttiv flimkien

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) għandu salarju ekwivalenti għal dak li kellhom iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv li kien hemm qablu minħabba li llum dan jokkupa żewġ karigi – dak ta’ Chairman u Kap Eżekuttiv, u għaldaqstant qed jieħu l-perkaċċi li kienu jirċievu min kien jokkupa dawn il-karigi qablu taħt l-amministrazzjoni preċedenti.

Dan ikkonfermah fil-Parlament il-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija, Konrad Mizzi, resposnabbli mill-WSC.

Il-Ministru Mizzi kien qiegħed iwieġeb mistoqsijiet tax-Shadow Minister Jason Azzopardi, li staqsa lill-Ministru jgħid x’remunerazzjoni, inkluż il-perkaċċi kollha, għandha l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Executive Chairman tal-WSC. Kien mitlub ukoll biex iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-kariga ta’ din il-persuna. Staqsa wkoll jekk kienx hemm sejħa pubblika għall-kariga li tokkupa din il-persuna.

Il-Ministru wieġeb biss li s-salarju taċ-Chairman Eżekuttiv tal-WSC huwa relattiv ma’ dawk taċ-Chairman ta’ qabel.

Ix-Shadow Minister Claudio Grech irrimarka mal-Ministru Mizzi li r-risposta ma kinitx korretta għaliex il-karga li għandu llum, ta’ Chairman u Kap Eżeluttiv, mhix identika għal dak li kien hemm qabel, bil-Ministru Konrad Mizzi jwieġeb billi jiddefendi l-ħatra ta’ dan iċ-Chairman Eżekuttiv iżda jtenni li ċ-Chairperson Eżekuttiv qiegħed igawdi l-istess salarju u perkaċċi li kellhom qabel iż-żewġ persuni ta’ qablu.

Meta x-Shadow Minister Jason Azzopardi staqsa kemm hu akbar jew anqas dak li l-Ministru fit-tweġiba li ta sejjaħ bħala relattiv, il-Ministru Konrad Mizzi baqa’ ma jagħtix indikazzjoni.

Il-Ministru Konrad Mizzi lanqas ma ried iwieġeb jew jikkonferma dak li staqsa Jason Azzopardi, jekk is-salarju li għandu hux jew iqarribx is-somma ta’ €75,000.

Mitlub biex jagħti indikazzjoni għaliex dawn huma flus il-poplu u t-trasparenza hi importanti, il-Ministru Konrad Mizzi baqa’ ma qalx x’salarju għandu u baqa’ jaħrab il-mistoqsijiet sakemm ma ddikjara li m’għandu xejn aktar xi jġħid ma’ dak li qal.