L-Oppożizzjoni kienet il-vuċi fil-Parlament ta’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-ambjent ta’ pajjiżna
Sentejn biss wara li ġie elett, il-Partit Laburista fil-Gvern qed jagħżel li jaġixxi bħal gaffa u jipprova jgħaddi minn fuq l-Oppożizzjoni, l-għaqdiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll minn fuq il-poplu Malti u Għawdxi.
F’dan id-dawl, l-Oppożizzjoni hija l-uniku vuċi fil-Parlament għal dawk kollha ta’ rieda tajba, u b’mod speċjali dawk li għandhom għal qalbhom l-ambjent ta’ pajjiżna. Ilbieraħ, l-Oppożizzjoni bagħtet messaġġ ċar li hemm xi ħaġa fundalmentali ħażina fil-mod kif qed jaħdem il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Parlament, l-għada li l-Oppożizzjoni tawlet il-voti Parlamentari dwar l-iSPED sat-3 ta’ filgħodu, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, tenna l-appell tal-Opppożizzjoni biex il-Gvern jieqaf mid-dibatttu dwar il-liġijiet ambjentali fil-Parlament u jħalli l-proċess ta’ konsultazzjoni jintemm biex jisma’ lis-soċjetà ċivili.
Flimkien max-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, Marthese Portelli, il-Whip tal-Grupp Parlamenatari Nazzjonalista David Agius u d-Deputat Nazzjonalista u Kelliem tal-Ambjent, l-Artijiet, l-Ippjanar u l-Infrastruttura, Ryan Callus; Mario de Marco appella lill-Gvern ireġġa’ lura s-sens ta’ normalità fil-Parlament kif ukoll mas-soċjetà ċivili.
Il-Gvern għandu jwaqqaf id-dibattitu tat-tliet liġijiet dwar l-ambjent u jistenna l-konsultazzjoni
Appella wkoll biex jieqaf b’dak li hu għaddej bih il-Gvern fil-Parlament – dak li jgħaddi tliet liġijiet ambjentali b’għaġla meta għadu kemm inbeda l-proċess ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-NGOs din il-ġimgħa stess.
L-għada li ltaqa’ mas-soċjetà ċivili u tahom żmien erba’ ġimgħat biex iressqu l-proposti tagħhom, il-Gvern ma stenna lil ħadd u beda jiddiskuti l-liġijiet ambjentali fil-Parlament.
Mario de Marco sejjaħ dan bħala nsult il-pożizzjoni ta’ għaġla ta’ dan il-Gvern li jgħid ħafna li jisma’, iżda meta jiġi fi żmien ta’ prova ma jisma’ lil ħadd.
Mario de Marco qal li mhix biss l-Oppożizzjoni li qiegħda tappella lill-Gvern biex jieqaf u jisma’, u biex ma jibqax għaddej minn fuq kulħadd fil-liġijiet b’aspetti ambjentali li jrid jgħaddi mill-Parlament biex jifred l-ambjent mill-istruttura tal-MEPA u jwaqqaf awtoritajiet differenti għall-ambjent u l-ippjanar. Hemm ukoll il-media indipendenti, is-soċjetà ċivili u l-NGOs li qed jgħidu lill-Gvern ieqaf u isma’.
Il-Gvern ma semax mill-akbar protesta favur l-ambjent
Turija ċara tal-inkwiet u t-tħassib tal-poplu b’dak li qiegħed iwettaq il-Gvern fil-politika ambjentali tiegħu, kienet il-protesta kbira li saret fil-Belt tliet ġimgħat ilu – l-akbar protesta ambjentali li qatt saret u li wasslet messaġġ ukoll ċar lill-Gvern biex jieqaf u jisma’.
Fil-konferenza tal-aħbarijet tal-lum, ix-Shadow Minister Marthese Portelli u d-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus fissru r-raġuni dwar kull emenda li l-Oppożizzjoni vvutat kontra u talbet division fit-twaqqif tal-iSPED. Tat ukoll ir-raġunijiet għaliex ivvutat iva fuq dawk l-emendi li l-Oppożizzjoni tħoss li huma validi u tajbin.
“L-Oppożizzjoni mhi se taċċetta qatt li l-Gvern ikun gaffa fuq kulħadd. Dawk l-eluf ta’ persuni li attendew għall-akbar protesta ambjentali li qatt saret f’pajjiżna tliet ġimgħat ilu għandhom dritt li jkunu rappreżentati, u lbieraħ fil-Parlament, l-Oppożizzjoni kienet qed tirrappreżentahom,” qalet Marthese Portelli
Muscat ma jistax jibqa’ jwebbes rasu
Ryan Callus qal li Joseph Muscat ma jistax jibqa’ jwebbes rasu u għandu jibda’ jikkopera mhux biss mal-Oppożizzjoni, iżda anke mal-għaqdiet ambjentali. Hu appella lill-Gvern biex fil-liġijiet dwar il-qasma tal-MEPA, il-Gvern ma jagħmilx bħalma għamel fl-iSPED, u jħalli d-diskussjoni ssir sew, u jagħti lil kulħadd l-opportunità li jressaq l-ideat u l-proposti tiegħu.
Il-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius, spjega l-għodda demokratika li l-Oppożizzjoni wżat fil-voti li ttieħdu nhar l-Erbgħa filgħaxija fil-Parlament.
Il-Gvern qed juri li ma jridx koperazzjoni
Hu sostna li l-Oppożizzjoni għamlet użu minn Standing Orders 83 u 84, li fisser li għal numru ta’ voti, l-Oppożizzjoni talbet division li wasslet għal sospensjoni tal-Kamra ta’ 20 minuta għal kull vot. Hu qal li dan sar mhux għax l-Oppożizzjoni ma tridx koperazzjoni, kif prova jallega l-Gvern, iżda għaliex il-Gvern ma jridx koperazzjoni.
“L-aħħar laqgħa tal-House Business Committee saret fis-27 ta’ April, u l-Gvern ilu minn dakinhar ma jlaqqa’ dan il-Kumitat. Kemm f’Mejju kif ukoll f’Ġunju, l-Oppożizzjoni kkoperat fil-ħidma tal-Gvern, iżda għall-Oppożizzjoni, dan id-dibattitu ma kienx f’waqtu, peress li l-konsultazzjoni għadha ma ntemmitx,” qal David Agius.
Issa, wara dak li seħħ fil-Parlament fl-aħħar jiem, għada l-Ġimgħa mistenni li jiltaqa’ l-Kumitat fis-6pm, u li din mistennija tkun l-ewwel laqgħa ta’ dan il-Kumitat fil-bini l-ġdid tal-Parlament.
Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament iddikjara wkoll li l-Oppożizzjoni lesta li tiltaqa’ għad-diskussjoni fil-Parlament dwar dawn il-liġijiet ambjentali meta jrid il-Gvern wara li jintemm il-proċess ta’ konsultazzjoni, anke jekk dan ikun waqt il-waqfa tal-Parlament fix-xhur tas-sajf.
//= $special ?>