Il-faċilitajiet eżistenti saru taħt Kunsill Laburista bla ebda standards ta’ saħħa, sigurta’ u aċċessibilta’ b’perikli għaż-żgħażagħ
Ir-rapport li ġie ppubblikat fuq is-sit tal-GWU inewsmalta.com, intitolat “Mozzjoni Nazzjonalista biex jitneħħa l-iskatepark f’Buġibba” mhuwiex korrett għall-fatt li l-mozzjoni approvata mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għandha l-għan li jinstab sit alternattiv għaż-żgħażagħ, peress li dak eżistenti sar mingħajr permessi u mingħajr standards ta’ saħħa u sigurta’.
Il-Kunsill Lokali f’San Pawl il-Baħar b’maġġoranza Nazzjonalista ressaq din il-proposta, li ġiet approvata mill-Kunsill, peress li l-iskatepark eżistenti, li kien sar mill-Kunsill Lokali preċedenti b’maġġoranza Laburista, kien sar mingħajr ma nġiebu l-permessi neċessarji, mingħajr konferma li l-iskatepark hu skont standards ta’ saħħa u sigurta’ u mingħajr standards ta’ aċċessibilta’.
Apparti minn hekk, l-iskatepark eżistenti, li sar mill-Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista kien sar mingħajr konsultazjoni mar-residenti taż-zona u filfatt kien wassal għal diversi lmenti mir-residenti. Saru wkoll numru kbir ta’ rapporti lill-Pulizija peress li kienu qed isiru diversi attivitajiet illeċiti f’dan l-iskatepark… bi spejjeż għall-Kunsill Lokali stess.
Fid-dawl ta’ dan, il-Kunsill preżenti b’maġġoranza Nazzjonalista, minflok m’għażel li jħalli liż-żgħażagħ tal-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar u Buġibba mingħajr skatepark, ressaq minflok proposti quddiem il-Kunsill Lokali biex tibda ħidma minnufih sabiex jinstab sit alternattiv li fih ikun jista’ jsir ix-xogħol marbut ma’ faċilitajiet li bihom jistgħu jgawdu ż-żgħażagħ.
Mhux talli hekk, talli l-Kunsilliera Nazzjonalisti fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ressqu wkoll proposta biex jinħatar minnufih sotto-kumitat li mmexxi mis-Sindku Graziella Galea, żewġ Kunsilliera żgħażagħ miż-żewġ partiti kif ukoll l-ambaxxatur taż-żgħażagħ ta’ din il-lokalita’. Dan is-sotto-kumitat se jkollu l-għan li jidentifika siti li fihom jista’ jsir xogħol marbut ma’ faċilitajiet għaż-żgħażagħ.
Skont il-mozzjoni mressqa mill-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista f’San Pawl il-Baħar, wara li jkun identifikat is-sit minn dan is-sotto-kumitat, għandu jibda minnufih il-proċess neċessarju sabiex l-art li tkun ġiet identifikata, tgħaddi f’idejn il-Kunsill Lokali sabiex fuqha jkunu jistgħu jiġu żviluppati l-faċilitajiet għaż-żgħażagħ. Dan filwaqt li jibdew ukoll il-proċess t’applikazzjonijiet mal-Awtorita’ tal-Ippjanar.
Apparti minn hekk, dan is-sotto-kumitat se jkun qed jara li jsiru wkoll linji gwida dwar il-mod ta’ kif għandha tiġi mmaniġjata l-faċilita’ b’rispett sħiħ lejn il-kumplament tal-komunita’. Dawn il-linji gwida se jkunu jinkludu wkoll ħinijiet ta’ ftuħ u ta’ għeluq tal-faċilita’ u anke l-mod ta’ kif ikun hemm kontroll fuq il-persuni li jkollhom aċċess għall-istess post.
Peress li l-iskatepark eżistenti, li kien sar mill-Kunsill Laburista ta’ San Pawl il-Baħar, sar mingħajr l-ebda awtorizazzjoni tas-sidien tal-art, il-proposti approvati mill-Kunsill Lokali jassiguraw li jitneħħa kull inkonvenjent li nħoloq permess ta’ dan l-iskatepark, anke sabiex jiġu evitati l-perikli kollha marbuta miegħu peress li m’għandu l-ebda standards ta’ saħħa u sigurta’.
Madanakollu, għall-kuntlarju tal-impressjoni li jagħti l-artiklu ppubblikat fuq is-sit ‘inewsmalta.com’, il-mozzjoni mressqa mill-Kunsilliera Nazzjonalisti tassigura li jinstabu siti alternattivi sabiex iż-żgħażagħ tal-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar ikollhom l-aħjar ambjent possibbli għal post ta’ rikreazzjoni u mhux bl-iskop li ż-żgħażagħ jibqgħu mingħajr faċilitajiet rikreattivi.
Filfatt, skont il-mozzjoni mressqa mill-Kunsilliera Nazzjonalisti u li ġiet approvata, is-sotto-kumitat imwaqqaf għal dan l-għan se jibda jopera b’effett immedjat.
Ritratt: l-artiklu skorrett fuq is-sit tal-GWU inewsmalta.com
//= $special ?>


