Internazzjonali

Il-membri ta’ ‘One Direction’ akkużati b’ipokrezija waqt kampanja favur il-klima

Il-membri tal-grupp popolari ‘One Direction’ ċaħdu li qegħdin juru ‘wiċċ b’ieħor’ wara li ħarġu jappoġġjaw kampanja relatata għall-bidliet fil-klima. Intant, il-kantant Harry Styles u sħabu huma akkużati b’ipokrezija wara li huma ammettew li ġieli jużaw żewġ ajruplani privati biex jivvjaġġaw madwar id-dinja.

Is-sena l-oħra kien irrappurtat li ‘One Direction’ saru l-aktar boyband sinjur fl-istorja tal-mużika, bil-membri jakkumulaw total ta’ 70 miljun lira Sterlina.

Intant, huma ssieħbu mal-organizzazzjoni Save the Children permezz tal-kampanja action/1D. Il-grupp, fi stqarrija, qal li ‘ż-żgħażagħ għandhom tassew il-poter li jgħinu biex itemmu l-faqar, filwaqt li jindirizzaw l-inugwaljanza u jwaqqfu l-bidliet perikolużi għall-klima’.

Madankollu mhux kulħadd jemmen ‘fil-ġenwinità tal-appell’, meta ‘One Direction’ ivvjaġġaw mal-200,000 mil bil-jets (madwar id-dinja) waqt l-aħħar żewġ tours ta’ kunċerti.

Fil-fatt, kelliem għall-grupp kien qal li ‘l-grupp ‘One Direction’ ġieli juża żewġ ajruplani u fejn l-unika kwistjoni hi min mill-membri se jaqbad u jitla fuq ajruplan partikolari.’