Lokali

Il-MEPA se tieħu parir legali rigward il-Belveder tan-Nadur

Jekk il-komunità tan-Nadur għandhiex tibqa’ tgawdi veduta mill-isbaħ tal-Fliegu mill-Belveder, li hemm fiż-żona, kien il-punt ta’ diskussjoni waqt laqgħa pubblika tal-MEPA li trattat applikazzjoni għall-bini ta’ ħajt ta’ għalqa. Jekk jinbena, dan il-ħajt itellef għal kollox il-veduta mill-isbaħ mill-Belveder.

Minkejja li kien mistenni li f’din il-laqgħa tittieħed deċiżjoni, il-membri tal-Bord qablu li din għandha tkun posposta sakemm jittieħed parir legali. Fil-laqgħa pubblika tkellmu fost l-oħrajn l-applikant innifsu, kif ukoll is-Sindku tan-Nadur Edward Said u x-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said.

Il-punt ewlieni tad-diskussjoni, rikonoxxut ukoll miċ-Chairman tal-MEPA, kien li Awtorità trid tiddeċiedi jekk il-Belveder għandux jibqa’ jew le. Ix-Shadow Minister għal Għawdex qal li mill-Belveder tista’ titgawda l-veduta tal-fliegu bejn Malta u Għawdex, filwaqt li spjega kif mill-Belveder lil hinn hemm il-bini u għalhekk dak kien l-uniku post li fih seta’ jsir il-Belveder.

Chris Said, li fis-snin l-imgħoddija serva wkoll bħala s-Sindku tan-Nadur, spjega kif kien il-Kunsill Lokali li ħa inizjattiva u xtara l-art mingħand il-privat biex ikun jista’ jsir il-Belveder li hemm illum. Hu argumenta li anke fil-Pjan Lokali, iż-żona hi identifikata bħala waħda ambjentali u għalhekk Belveder jaqa’ f’dan il-kuntest.

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li d-Direttorat tal-Ippjanar għandu jagħmel analiżi jekk l-applikazzjoni għall-bini tal-ħajt tmurx kontra l-polices tal-Ippjanar.

Min-naħa tiegħu, l-argument tal-applikant, li hu s-sid ta’ għalqa taħt il-Belveder, hu li għandu d-dritt jissalvagwardja l-propjetà tiegħu. L-Avukat Ian Stafrace sostna li 11-il sena ilu twaqqa’ l-ħajt li kien hemm biex sar Belveder bil-ħadid.

U fit-trattazzjoni tiegħu, il-Kunsill Lokali tan-Nadur insista li jekk jingħata permess biex jittella’ dan il-ħajt, ikun qed jinħoloq preċedent perikoluż għax jistgħu jinbdew jitgħattew Belveders oħra madwar Malta u Għawdex.