Ambjent Lokali Parlament Qorti

Il-Ministru Mizzi ma jattendix il-Qorti minħabba li damet is-seduta parlamentari

Il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa, Konrad Mizzi, dalgħodu talab li jiġi skużat fil-Qorti minħabba li s-seduta parlamentari tal-bieraħ filgħaxija damet għaddejja sas-sigħat bikrin ta’ dalgħodu.

Meta dalgħodu l-Ministru Mizzi kien imsejjaħ biex jagħti x-xhieda tiegħu f’kawża li l-Ministru stess qiegħed jagħmel kontra l-gazzetta In-Nazzjon, l-Avukat tal-Ministru Mizzi talab lill-Maġistrat Francesco Depasquale biex il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa jkun skużat.

L-Avukat informa wkoll lill-Qorti li kien lest li jagħti x-xhieda tiegħu f’ħin ieħor tal-ġurnata, aktar tard, iżda mhux fil-ħin li kienet imsejħa l-kawża, fid-9.30am. Dan minħabba li s-seduta tal-Parlament tal-bieraħ filgħaxija baqgħet sejra sa ftit qabel it-3am, wara li l-Oppożizzjoni tawlet, skont l-iStanding Orders tal-Kamra, il-proċedura tal-voti biex tibgħat messaġġ lill-Gvern għall-mod ħażin li bih qiegħed jiggverna u jieħu d-deċiżjonijiet ambjentli.