L-Oppożizzjoni tawlet il-vot dwar l-iSPED għaliex temmen li l-Gvern irrelega l-ambjent flok ma pproteġih
Il-Parlamet għall-ħabta tat-2.50am tal-lum il-Ħamis temm maratona ta’ kważi sitt sigħat ta’ voti li bdiet fid-9pm biex il-Gvern għadda mill-istadju tat-Tieni Qari l-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Ippjanar, l-iSPED, bl-Oppożizzjoni titlob division u timxi skont il-proċeduri tal-Kamra biex tibgħat messaġġ lill-Gvern li hemm xi ħaġa fundamentali li hi ħażina fil-mod kif il-gvern qiegħed jiggverna u jagħmel l-affarijiet.
Fi stqarrija li nħarġet waqt li fil-Parlament kienet għaddejja l-votazzjoni dwar il-mozzjoni li biha l-Gvern qiegħed iwaqqaf il-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-iSPED, l-Oppożizzjoni ddikjarat li qed tagħżel li tuża l-għodda tad-demokrazija parlamentari billi ssejjaħ division fuq il-voti tal-klawsoli fil-liġi li biha se jitħaddem l-iSPED.
L-Oppożizzjoni talbet li jkun hemm waqfa ta’ 20 minuta skont ir-regolamenti tal-Kamra bejn kull vot fuq dawk l-emendi fil-liġi tal-iSPED imressqa mill-Gvern li l-Oppożizzjoni mhix taqbel dwarhom u qed toġġezzjona għalihom. L-Oppożizzjoni talbet division fuq 14-il vot.
Ir-regolamenti tal-Kamra jitolbu li f’każ li ma jkunx hemm qbil biex il-vot jittieħed immedjatament hekk kif tinqara l-emenda u titressaq għall-vot, il-vot jittieħed wara waqfa ta’ 20 minuta.
B’din il-proċedura, fis-seduta tal-lejla l-voti bdew jittieħdu għall-ħabta tad-9pm tal-Erbgħa filgħaxija u ntemmet fis-sigħat bikrin tal-Ħamis, fit-2.52 am.
L-Oppożizzjoni tawlet il-vot dwar l-iSPED għaliex temmen li l-Gvern irrelega l-ambjent flok ma pproteġih.
Qabel mal-Kamra aġġornat għal nhar it-Tnejn filgħaxija, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius irrimarka li fiċ-ċirkustanzi tal-ħin li fih qed jaġġorna l-Parlament, l-Oppożizzjoni ma kinitx qed tieħu l-ħin ta’ nofs siegħa tal-Aġġornament biex jitkellmu l-membri tagħha, u li se tkun qed tieħu dan il-ħin fis-seduta li jmiss.
Il-Whip tal-Gvern, id-Deputat Laburista Godfrey Farrugia, wieġeb li dwar dan m’hemmx qbil u għaldaqstant l-aġġornament tas-seduta li jmiss tat-Tnejn li ġej jittieħed mill-Gvern u mhux mill-Oppożizzjoni.