Internazzjonali

Ir-refuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien qabżu l-4 miljuni

L-ammont ta’ refuġjati Sirjani għand il-ġirien tas-Sirja llum qabeż l-4 miljun, u t-total mistenni jilħaq mal-4.27 miljuni sal-aħħar ta’ din is-sena.
Dan joħroġ minn statistika tal-UNHCR, l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati, filwaqt li l-kelliema jgħidu li din hi l-akbar popolazzjoni ta’ refuġjati minn konflitt uniku li huma qatt raw f’perjodu ta’ għaxar snin.
Il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati, Antonio Guterres, fl-istess ħin, stqarr li din il-popolazzjoni ta’ refuġjati teħtieġ l-appoġġ tad-dinja, iżda minflok, qed tgħix fl-agħar kundizzjonijiet filwaqt li qed tegħreq dejjem aktar fil-faqar.
Il-maġġoranza tar-refuġjati li rriżultaw mill-erba’ snin ta’ gwerra fis-Sirja jinsabu fil-Libanu, il-Ġordan, l-Iraq, l-Eġittu u t-Turkija li għandha aktar refuġjati (1.8 miljun Sirjan) minn kwalunkwe pajjiż ieħor.
Minbarra dawn, xi 270,000 Sirjan ieħor talbu l-ażil fl-Ewropa waqt li 7.6 miljun Sirjan oħra qed jgħixu bħala refuġjati fis-Sirja proprja.
Sal-lum, hu ffinanzjat biss xi 24 fil-mija mill-appell tal-UNHCR għall-$5.5 biljun li jridu jappoġġjaw ir-refuġjati Sirjani, fl-2015. Dan meta l-World Food Programme tan-Nazzjonijiet Uniti diġà naqqas l-ikel għar-refuġjati minħabba nuqqas ta’ flus.