Internazzjonali

Kwalunkwe assoċjazzjoni bejn l-ISIS u ‘The Beatles’ għandha titqies b’insult — Yoko Ono

It-terroristi tal-ISIS jinkorporaw fi ħdanhom grupp ta’ ġiħadisti Britanniċi li ngħata l-laqam ‘The Beatles’ minħabba li l-aċċent tipiku Ingliż tal-membri tiegħu.

Dawn il-ġiħadisti Britanniċi jinkludu t-terrorista mlaqqam Jihadi John – ismu proprju Mohammed Emwazi u magħruf għall-brutalità tiegħu mal-priġunieri. Dan il-ġiħadista kiseb fama bħala qattiel bla qalb wara li deher bi prominenza fuq diversi filmati tal-ISIS qed iħanxar għonq il-priġunieri lebsin il-jumpsuits oranġjo.

Sadanittant, Yoko Ono, il-mara tal-mibki John Lennon – il-kantant tal-‘Fab Four’ li fl-1980 spiċċa vittma ta’ omiċidju fi New York – ikkundannat bla riservi l-laqmijiet ‘The Beatles’ u ‘Jihadi John’ għall-elementi tal-ISIS u li fissrithom bħala insult lill-memorja ta’ żewġha. Yoko Ono insistiet li kwalunkwe assoċjazzjoni bejn John Lennon u t-terroristi tħalli ‘tebgħa kbira u sewda’ fuq il-wirt mużikali li hu ħalla warajh.

John Lennon kien magħruf ħafna bħala attivist li kien jopponi l-gwerra u t-terroriżmu.

Intant, Yoko Ono hi determinata li tkompli titkellem u tesprimi l-opinjoni tagħha ‘għaliex mhi se tħalli qatt li xi grupp terroristiku jeqred l-isem tajjeb ta’ John Lennon u l-Beatles’.