Lokali

L-Oppożizzjoni tappella lill-Gvern biex ifassal skemi kruċjali għall-prodott turistiku ta’ pajjiżna

Hekk kif ix-xhur tas-sajf, u ċioe’ dawk l-aktar kruċjali għat-turiżmu f’pajjiżna, jinsabu deħlin fl-eqqel tagħhom, l-Oppożizzjoni qed tappella lill-Gvern biex mill-aktar fis possibli jfassal skemi kruċjali u importanti li jkomplu jsaħħu l-prodott turistiku ta’ pajjiżna. Dan fid-dawl tal-fatt li kważi sentejn minn meta suppost beda jitħaddem il-programm ta’ fondi 2014-2020, sa issa, l-Oppożizzjoni tinsab infurmata li l-industrija turistika m’għandiex ħjiel ta’ skemi li jinċentivaw din l-industrija tant kruċjali għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Antoine Borg, il-Partit Nazzjonalista qal li fil-programm ta’ fondi li għadda, dak ta’ bejn l-2007 u l-2013, kienu nħarġu diversi skemi li inċentivaw l-industrija turistika biex issaħħaħ il-prodott tagħha. Fost l-oħrajn, kien hemm il-Grant Scheme for Tourism Enterprises 2007 li poġġiet għad-dispożizzjoni tal-industrija €10 miljun għal proġetti li fihom sar investiment totali ta’ €25 miljun, liema investiment ħoloq postijiet tax-xogħol u saħħaħ il-kompetittività ta’ pajjiżna.

L-Oppożizzjoni ma tqisx it-turiżmu bħala ballun politiku, iżda settur li għandu jingħata l-importanza li jixraqlu minn kull partit fil-Gvern. Fil-fatt, l-Oppożizzjoni tinnota b’sodisfazzjon ix-xejriet pożittivi fin-numru ta’ turisti li waslu f’pajjiżna, hekk kif jidher li anke din is-sena għandha tkun waħda tajba għat-turiżmu.

Is-settur privat jinsab għatxan għal koperazzjoni mal-Gvern f’dan is-settur, xi ħaġa li tista’ ssir biss jekk il-Gvern joħroġ b’ideat konkreti ta’ skemi ta’ għajnuna li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-Fondi Ewropej. Skemi bħal dawn isaħħu l-kapaċitajiet tal-ħaddiema f’dan is-settur, il-kwalità tal-prodott Malti, is-servizz li jingħata, kif ukoll bini ta’ stabbilimenti turistiċi u aktar.