Fir-Renju Unit, mara li ġiet abbandunata minn ommha 46 sena ilu, meta ħallietha ħdejn il-kontenituri tal-iskart, irnexxielha wara dawn is-snin kollha tingħaqad magħha u tgħannaqha.
Michelle Rooney kienet ġiet abbandunata minn ommha Angie Smith, ftit biss wara li twieldet f’ Novembru tal-1968.
Smith kellha biss 23 sena meta wellditha bil-moħbi fil-kamra tal-għodda tal-ġnien tad-dar ta’ missierha. Dak iż-żmien kienet għadha ħierġa min divorzju ikrah minn mal-eks raġel tagħha u kienet qed tibża’ li ġġib skandlu ieħor fuq il-familja. Diġà kellha żewġt itfal subien u Michelle twieldet wara relazzjoni qasira ma’ dak li jwassal il-ħalib.
It-tifla kienet instabet minn ġara u l-istorja kienet spiċċat fuq il-ġurnali kollha dak iż-żmien iżda ħadd ma kien identifika ruħu bħala qarib tat-tarbija. Kienet ġiet adottata mill-Pulizija Les Fuller u martu Daphne u trabbiet mal-ulied l-oħra tagħhom mingħajr ma kienet taf l-oriġini tagħha.
Meta għalqet 21 sena, il-mara saret taf bl-istorja kollha tagħha u bdiet ix-xewqa li tkun taf lill-ġenituri naturali tagħha. Sadanittant, ommha naturali kienet ilha s-snin tħossha ħatja, kuljum, għal dak li għamlet u kienet tittama li t-tarbija kienet instabet u ġiet adottata minn familja tajba.
Sena ilu, Rooney, li hi wkoll omm ta’ żewġt itfal, irnexxielha tingħaqad ma’ missierha naturali, ftit qabel miet, li lanqas kien jaf bl-eżistenza tagħha. Wara appell fuq il-midja soċjali, irnexxielha dan l-aħħar issir taf ommha min hi.
Rooney iddeskriviet il-laqgħa bħala waħda li kienet qisha l-iktar ħaġa naturali u li issa tħoss li ċ-ċirku għaqad.
//= $special ?>