Lokali

Twissija mill-UĦM lill-Malta Public Transport

It-Taqsima Port u Trasport fi ħdan il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) kitbet uffiċjalment lill-management tal-kumpanija Malta Public Transport (Autobuses de Leon) u ddikjarat li mhix se taċċetta li l-ħinijiet tad-‘duties’ tal-ħaddiema fl-istess kumpanija jinbidlu mingħajr konsultazzjoni mal-ħaddiema u jekk dawn ikunu ta’ detriment għall-ħaddiema nfushom.

Fi stqarrija tal-UĦM intqal ukoll li t-Taqsima Port u Trasport tal-union, wara deċiżjoni li ttieħdet mal-Kumitat ta’ Azzjoni li jirrappreżenta lill-ħaddiema tal-Malta Public Transport (MPT), infurmat lill-kumpanija li jekk din tintroduċi dawn il-ħinijiet tad-duties ġodda, il-union se tkun lesta tieħu azzjonijiet industrijali immedjati u saħansitra tappoġġja lill-GWU jekk ikun meħtieġ, għall-ġid ta’ dawn il-ħaddiema.