Żagħżugħ ta’ 18-il sena mill-Ħamrun kien arrestat mill-Pulizija wara li, matul il-lejl li għadda, inqabad fil-fatt jipprova jisgassa ħanut fil-Ħamrun stess. Iż-żagħżugħ kellu miegħu raġel ieħor li, iżda, laħaq ħarab mill-post.
Għall-ħabta tas-2.20am, il-Pulizija mid-Distrett tal-Ħamrun ġew infurmati li ż-żewġt irġiel dehru deħlin u ħerġin mill-ħanut, li jinsab fi Triq il-kappillan Mifsud kantuniera ma’ Triq il-Kanonku Bonnici.
Kif innutaw li l-Pulizija waslu fil-post, iż-żewġt irġiel ippanikjaw. Iżda filwaqt li persuna minnhom ħarbet, iż-żagħżugħ l-ieħor ġie arrestat biex jgħin fl-investigazzjonijiet. Fil-post, il-Pulizija nnutaw li kien sar xi sgass fil-ħanut, filwaqt li nstabet għodda relatata mas-serq.
Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija, jirriżulta li ma laħqux insterqu xi oġġetti mill-ħanut. Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li ż-żagħżugħ qed jgħin fl-investigazzjonijiet, filwaqt li għadha għaddejja t-tfittxija għall-persuna l-oħra involuta.
(Ritratt: mill-Arkivji)
//= $special ?>

