Il-Pulizija arrestaw raġel wara sparatura qrib il-belt ta’ Ansbach, fir-reġjun tal-Bavarja, li rriżultat fi qtil doppju. Il-vittmi f’dan il-każ kienu anzjana ta’ 82 sena u ċiklista li nzerta għaddej mill-inħawi.
Skont ir-rapporti, l-aggressur, li ħarab minn fuq il-post wara l-omiċidji, inqabad mill-ħaddiema fi stazzjon tal-petrol wara li hu kien heddidhom bl-arma – b’dawn il-ħaddiema jorbtuh u jikkuntattjaw lill-pulizija. Qabel, l-aggressur, li għandu 18 il-sena, kien spara għal żewġ persuni oħra mill-karozza tiegħu mingħajr ma laqathom.
L-omiċidji f’Ansbach seħħew meta r-raġel ipponta l-arma mill-karozza u qatel kiesaħ u biered lill-anzjana u ċ-ċiklist qabel ħarab mix-xena tad-delitt. L-iskop ma kienx determinat iżda jaħsbu li l-ġuvni wettaq ir-reat minħabba ‘problemi personali’.
Il-pulizija jissuspettaw li l-mara maqtula kienet membru tal-familja estiża tal-aggressur li ma kienx identifikat b’ismu.
Qabel inqabad l-aggressur il-pulizija kienu ħarġu l-bullettini fejn wissew lin-nies biex jeżerċitaw il-massimu tal-kawtela, fost il-kaċċa intensiva għal dan ir-raġel armat fiz-zoni tal-Bavarja.