Kurżitajiet

Allegat ritratti ta’ UFOs mis-snin 70 tan-Navy Amerikana

In-nies li jemmnu fis-sistemi istituzzjonalizzati għall-ħabi tal-informazzjoni u l-famużi conspiracy theories għandhom ‘sitwazzjoni’ oħra quddiemhom – f’dan il-każ sett ta’ ritratti ‘tal-UFOs’ fir-reġjun tal-Artiku li jmorru lura għall-1971.

Jaħsbu li r-ritratti ttieħdu mis-sottomarin Amerikan USS Trepang waqt li kien qed jivvjaġġa bejn l-Iżlanda u l-Gżira ta’ Jan Mayen tan-Norveġja.

Id-dilettanti magħrufa bħala UFO hunters jgħidu, intant, li r-ritratti huma provi tat-testijiet sigrieti li kienu jsiru għall-ajruplani Amerikani. Iżda oħrajn jgħidu li dawn ir-ritratti jinkludu ‘l-vetturi tal-aljeni li qed ifittxu z-zoni fejn jistgħu aktarx jħaffru għaż-żejt’.

Hu ċert li dawn ir-ritratti qanqlu mhux ftit tal-eċċitament fuq il-forums. Intant, ingħad li Alex Mistretta, investigatur tal-paranormali, evalwa r-ritratti wara li dehru għall-ewwel darba fil-ġurnal Franċiż paranormali ‘Top Secret’. Mistretta qed jgħid li s-sorsi qalulu li r-ritratti ttieħdu mis-sottomarin Amerikan, fl-1971.

Ir-rekords uffiċjali jidhru li jappoġġjaw din it-teorija, iżda l-informazzjoni tant tista’ tinkiseb faċilment li wħud qed isostnu li m’hemmx il-provi assoluti li jikkonvalidaw ‘it-tema tar-ritratti’.

Wieħed mir-ritratti għandu l-iskrizzjoni: ‘Official Photograph. Not to be Released. CT’.

Iskrizzjoni oħra taqra ‘Unauthorized Disclosure Subject. Security Certificat(e) SSN 674. Criminal Sanction’.

Il-Mutual UFO Network (Mufon), f’Ġunju, irreġistra d-dehriet ta’ 1,179 inġenju misterjuż li ma ngħatatx spjegazzjoni kredibbli dwarhom. Dan ifisser żieda ta’ madwar 600 fuq l-ammont ‘tal-UFOs potenzjali’ għall-istess perijodu tas-sena li għaddiet.